Żewġ persuni mietu wara li double-decker tat-turisti laqtet siġra fi Triq Valletta ż-Żurrieq. Fl-inċident indarbu 12-il persuna. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4:15pm.
Jidher li vettura tat-tip Dennis Trident double decker, li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 24 sena, kellha impatt ma’ siġra u b’konsegwenza ta’ hekk żewġ persuni mietu fuq il-post filwaqt li sitt persuni oħra ttieħdu l-isptar Mater Dei għall-kura.
Net News hu infurmat illi fil-post issejħu numru ta’ ambulanzi u paramediċi, kif ukoll vetturi tal-Protezzjoni Ċivili u Pulizija. Sorsi qed jgħidu li l-każ qed jitqies bħala inċident maġġuri, tant li ssejħu 10 ambulanzi.
L-ambulanzi kellhom problema biex jaslu fuq il-post minħabba t-traffiku. It-triq fiż-Żurrieq, li hija l-arterja ewlenija li twassal lejn iż-Żurrieq, tinsab magħluqa. Bl-inċident traġiku, ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja.
Sorsi li tkellmu ma’ dan l-istazzjon qed jindikaw li dawk b’feriti ħfief qed jitwasslu fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid.
Ara r-ritratti meħuda minn fuq il-post:
L-isptar qed javża li min ma jeħtieġx attenzjoni urġenti m’għandux għalfejn ikun preżenti fl-Emerġenza tal-Mater Dei. Twaqqaf ukoll in-numru ta’ emerġenza 2545 4286.
Ara filmati li ttieħdu minn fuq il-post:
Aktar informazzjoni fil-ħin li ġej..
//= $special ?>