Il-Pulizija qed iżżomm żewġ persuni arrestati wara li vettura nstaqet lejn grada tal-Isptar Monte Karmeli.
Net News hu nfurmat li l-każ seħħ għall-ħabta tal-11:30 meta l-karozza nstaqet u baqgħet dieħla fi grada ta’ dan l-isptar, fejn mhux biss jinżammu persuni li jingħataw kura għal problemi ta’ saħħa mentali imma wkoll persuni bil-vizzju tad-droga.
Kien hawn li l-aċċess u l-ħruġ mill-isptar inżamm biss min-naħa ta’ wara biex seta’ jsir ukoll kontroll ta’ min kien qed jidħol u joħroġ. Dan filwaqt li ssejħu mmedjatament il-Pulizija u fil-post wasal ammont kbir ta’ uffiċjali kemm mid-distrett kif ukoll mir-Rapid Intervention Unit.
Waħda minn dawk arrestati għamlet mossi oxxeni lejn membri ta’ dan l-istazzjon waqt li kienet qed tiddaħħal fil-karozza tal-Pulizija, qabel trażżnet mill-uffiċjali li kienu qed jgħassuha.