Futbol Sport

CHAMPIONS LEAGUE: Erba’ konfronti li huma kważi diġa’ deċiżi

Man City tilfu f’Anfield kontra Liverpool

Bejn illum u għada jintlagħbu t-tieni legs tal-fażi tal-kwarti tal-finali taċ-Champions League u wieħed jista’ jgħid li jekk ma jseħħux l-ebda mirakli sportivi, l-erba’ timijiet li fl-ewwel leg kisbu riżultat favorevoli m’għandhomx ifallu milli jiddefendu l-vantaġġ tagħhom.

Illejla Roma jilqgħu lil Barcelona fl-Olimpico wara li ġimgħa ilu fi Spanja tilfu 4-1 filwaqt li fil-partita l-oħra Mancheser City jilqgħu lil Liverpool wara li ġimgħa ilu tilfu 3-0 f’Anfield.

Għada Real Madrid jilagħbu fil-Bernabeu kontra Juventus wara li rebħu 3-0 f’Turin filwaqt li fl-aħħar konfront Bayern Munich jilagħbu kontra Sevilla, ġimgħa wara li rebħu 2-1 fi Spanja.

B’hekk, il-partita bejn Bayern Munich u Sevilla hi l-aktar waħda bilanċjata, anke jekk mhux se tkun faċli għat-tim ta’ Vincenzo Montella biex iwettaq rimonta kontra t-tim li għas-sitt sena konsekuttiva, għadu kemm ġie nkurunat champion tal-Ġermanja.

Wirja tajba u qalbiena minn Roma ma kinitx biżżejjed għalihom biex joħorġu b’riżultat aħjar mill-Camp Nou kontra Barcelona, li minkejja li ma tawx waħda mill-aħjar wirjiet tagħhom, xorta waħda rebħu 4-1, riżultat li prattikament ipoġġi lill-Katalani fis-semifinali.

Fi tmiem il-ġimgħa Barcelona rebħu 3-1 kontra Leganes biex komplew isaħħu l-ewwel post fil-kampjonat.

L-eroj tagħhom kien Lionel Messi li skurja hat-trick biex għen lit-tim tiegħu jilħaq rekord ta’ 38 logħba mingħajr telfa fl-ogħla diviżjoni Spanjola. Minn naħa tagħhom Roma tilfu 2-0 f’darhom stess kontra Fiorentina imma fortunatament għalihom, jum wara, Torino għelbu lill-eqreb rivali tagħhom Inter biex b’hekk Roma tal-anqas baqgħu punt fuq it-tim ta’ Spalletti.

Fl-Etihad Stadium illejla Manchester City jaffrontaw lil Liverpool wieħed irid jara x’se tkun ir-reazzjoni tal-plejers tas-Citizens wara li kellhom ġimgħa diżastruża.

Minbarra t-telfa kontra Liverpool nhar l-Erbgħa li għadda, nhar is-Sibt huma sfaw megħluba 3-2 f’darhom stess kontra r-rivali Mancheser Utd. Li kieku rebħu kienu jaċċertaw ruħhom mir-rebħ tal-Premiership imma minkejja li sa tmiem l-ewwel taqsima kienu 2-0 minn fuq qalgħu tliet gowls.

Hu veru li Man City xorta waħda mistennija jirbħu l-kampjonat b’rebħa fi tmiem il-ġimgħa kontra Swansea imma bla dubju d-dipartiment tad-difiża żgur li jrid ikun ferm attent jekk beħsiebu jwaqqaf lill-attakkanti ta’ Liverpool milli jiskurjaw fit-tieni leg.

Minn naħa tagħhom Liverpool ġew draw 0-0 kontra r-rivali fid-derby kontra Everton u din kienet logħba oħra fejn id-difiża ta’ Liverpool, li matul dan l-istaġun ġiet ikkritikata ħafna, li ma sofriet l-ebda gowl.

Jiem wara li rebħu l-kampjonat għat-28 darba fl-istorja tagħhom, Bayern Munich se jilqgħu lil Sevilla għat-tieni leg tal-kwarti tal-finali wara li rebħu l-ewwel leg fi Spanja 2-1.

Wara 32 minuta Sevilla kienu ħasdu lil Bayern meta marru fil-vantaġġ imma Bayern baqgħu kalmi u skurjaw tnejn.

Fi tmiem il-ġimgħa Bayern Munich rebħu 4-1 kontra Augsburg biex aċċertaw mir-rebħ tat-titlu. F’Ottubru li għadda Bayern kienu ħames punti wara l-liders Borussia Dortmund meta dakinhar keċċew lill-kowċ Carlo Ancelotti imma Jupp Heynckes għenhom jirkupraw bil-kbir biex rebħu l-kampjonat u issa jiffukaw fuq iċ-Champions League.

Sevilla, li fi tmiem il-ġimgħa serrħu diversi plejers, tilfu 4-0 barra minn darhom kontra Celta Vigo.
Għada fi Spanja l-holders Real Madrid jilagħbu kontra Juventus. Ġimgħa ilu wirja spettakolari ta’ Cristiano Ronaldo għenet lil Real jirbħu 3-0 f’Turin u jiem wara dawn ġew draw 1-1 kontra Atletico Madrid u reġa’ kien Ronaldo li skurja l-gowl tal-Merengues.

Minn naħa tagħhom Juventus għamlu pass ieħor lejn ir-rebħ tat-titlu meta għelbu lil Benevento 4-2.

Fir-rebħa ta’ Juventus spikka l-attakkant Dybala li skurja hat-trick imma dan se jkun nieqes fi Spanja minħabba li hu sospiż wara li tkeċċa fl-ewwel leg.

Real se jkollhom lid-difensur u captain Sergio Ramos nieqes minħabba sospensjoni.

Il-Programm
Illum

Roma v Barcelona (1-4)
Man City v Liverpool (0-3)

Għada
Bayern v Sevilla (2-1)
R.Madrid 3-0 Juventus (3-0)