Roma wettqu dak li deher impossibbli u wara li ġimgħa ilu tilfu l-ewwel leg tal-kwarti tal-finali taċ-Champions League bi skor ta’ 4-1 fi Spanja kontra Barcelona, it-Tlieta rebħu 3-0 fl-Olimpico biex għaddew grazzi għar-regola tal-gowl barra minn darhom. Il-gowl li skurja Dzeko fil-Camp Nou kien kruċjali ħafna għat-tim Taljan li issa jinsab fis-semifinali tal-kompetizzjoni.
Biex wieħed jgħid kollox Roma ma serqu xejn għax anke fl-ewwel leg Barcelona qatt ma mpressjonaw u t-telfa ta’ Roma kienet ħarxa.
Roma kellhom bidu mill-aqwa u wara biss sitt minuti fetħu l-iskor b’gowl ta’ DZEKO li skurja wara li rċieva mingħand De Rossi. Fit-58 minuta Roma ngħataw penalty meta l-istess Dzeko twaqqa’ minn Pique fil-kaxxa u mill-11-il metru DE ROSSI ma żbaljax biex għamel l-iskor 2-0 u fl-istess waqt patta għall-awto-gowl li kien għamel fl-ewwel leg. Sitt minuti mit-tmiem wasal il-gowl li bih Roma għaddew għall-fażi li jmiss. Minn azzjoni ta’ corner kien MANOLAS li antiċipa lid-difensuri u b’daqqa ta’ ras għeleb lil Ter Stegen fost il-ferħ tal-partitarji.
Dan kien suċċess mill-aqwa għal Roma li rebħu kontra tim li sa qabel it-Tlieta kien l-inqas timn li sofra gowls fiċ-Champions League dan l-istaġun (tlieta). B’din it-telfa Barcelona komplew bit-tradizzjoni negattiva tagħhom barra minn darhom kontra timijiet Taljani. Mill-aħħar seba’ logħbiet li lagħbu tilfu tlieta u ġew draw darbtejn.
Roma issa saru t-tielet tim fl-istorja taċ-Champions League li rnexxielu jdawwar telfa b’distakk ta’ tliet gowls u jgħaddi għall-fażi li jmiss (Bit-tnejn l-oħra jkunu Deportivo La Coruna vs Milan fl-2004 u Barcelona vs PSG fl-2017).
Liverpool jirbħu anke fl-Etihad
Fil-logħba l-oħra, minkejja wirja qalbiena li kellhom Manchester City sfaw eliminati wara li tilfu 2-1 f’darhom kontra Liverpool, wara li kienu tilfu l-ewwel leg f’Anfield bi skor ta’ 3-0.
Fl-Etihad Stadium Manchester CIty kellhom bidu mill-aqwa hekk kif marru fil-vantaġġ wara biss minuta b’gowl ta’ Gabriel JESUS li skurja b’xutt minn ġewwa l-kaxxa wara li Sterling kien tah ballun perfett.
Is-Citizens komplew jippressaw u kienu sfortunati li laqtu l-lasta permezz ta’ Bernardo Silva. Żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima City kellhom gowl ta’ De Bruyne mħassar għal offside.
Kien fis-56 minuta meta t-tamiet ta’ City ħadu daqqa ta’ ħarta hekk kif is-solitu SALAH skurja mill-viċin. B’Man City jkollhom bżonn erba’ gowls biex jgħaddu s-sitwazzjoni saret agħar meta fis-77 minuta kien FIRMINO li poġġa lil Liverpool għall-ewwel darba fil-vantaġġ f’din il-logħba b’gowl mill-viċin.
//= $special ?>