Fortunatament ħadd ma weġġa’ serjament meta numru ta’ karozzi kienu involuti f’inċident tat-traffiku fil-bypass tal-Imrieħel.
L-inċident seħħ fil-karreġġjata li tagħti min-naħa ta’ Ħal Qormi lejn Ħ’Attard, eżattament taħt il-pont għan-nies li jkunu jridu jaqsmu l-bypass bil-mixi.
Fl-inċident kienu nvoluti erba’ karozzi, fosthom karozza tat-tip Audi li bl-impatt ġarrbet ħsarat konsiderevoli fin-naħa ta’ quddiem. Karozza oħra spiċċat biex telgħet fuq is-central stip li tifred il-karreġġjati tad-direzzjonijiet opposti.
Fuq il-post kellha tmur ambulanza iżda kelliema għall-Pulizija qalet lil NET News li ma kienx feruti b’mod gravi. Filfatt, jidher li t-tim mediku kien mitlub jassisti biss minħabba xokk fuq waħda mill-persuni involuti.
Minħabba l-inċident, fil-karreġġjata tal-inċident inħoloq traffiku kbir li f’ħin minnhom kien iġebbed sal-mini ta’ Santa Venera.
//= $special ?>