Lokali

FILMAT: F’dawn il-laboratorji jsiru 10 miljun test fis-sena

NET News idur dawra mal-laboratorji tal-isptar... fosthom fejn titkabbar il-moffa għal raġuni importanti

Ikabbru l-moffa apposta u jiskopru fejn ikun hemm kanċer. Fil-laboratorji tal-isptar Mater Dei isiru aktar minn 10 miljun test fis-sena – minn testijiet tad-demm, għal testijiet marbuta mal-kanċer, id-dijabete u l-kolesterol, għal testijiet tal-ġenetika u dawk marbuta mal-identifikazzjoni tad-droga u l-alkoħol.

Xogħol ta’ importanza kbira li minn wara l-kwinti jagħmluh aktar minn 210 xjenzat fl-isptar. Kif spjega ma’ NET News Roderick Busuttil, xjenzat mediku fil-laboratorji tal-isptar Mater Dei hekk kif qed titella’ attività fil-foyer tal-isptar biex in-nies jiltaqgħu ma’ dawn ix-xjenzati li qajla jkollhom kuntatt dirett man-nies.

“Fl-isptar Mater Dei jsiru aktar minn 10 miljun test fis-sena u dawn jiżdiedu b’10% kull sena, jiġifieri l-ammont ta’ testijiet huma enormi”, qalilna Roderick Busuttil waqt li spjega li min jaħdem fil-laboratorji għandu kuntatt ferm inqas man-nies mit-tobba u l-infermieri.

Ftit mill-210 xjentist li jaħdmu fil-laboratorji tal-isptar Mater Dei (Ritratt: Martin Agius)

Għal din ir-raġuni f’dawn il-jiem wieħed jista’ jmur jiċċekkja d-demm fil-foyer u jiltaqa’ ma’ dawn ix-xjenzati, kif għamlu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius u d-Deputat Herman Schiavone, li ltaqgħu max-xjenzati u tkellmu magħhom dwar l-irwol tagħhom.

Ix-xjenzati mediċi jagħmlu testijiet fuq demm, urina u tessuti fluwidi, u anke biopsiji biex issir id-dijanjożi ta’ diversi kundizzjonijiet fuq trattament tal-pazjenti. Fost oħrajn isiru testijiet ta’ infezzjonijiet; testijiet taz-zokkor, il-kolesterol, ormoni, tumour markers u testijiet tossikoloġiċi. Isiru wkoll testijiet tad-demm għall-anemija kif ukoll testijiet fuq il-komptabilità tad-demm u ta’ allerġiji. Dawn it-testijiet isiru f’numru ta’ laboratorji differenti, kollha bil-qasam ta’ speċjalizazzjoni tagħhom.

NET News idawwar f’uħud minn dawn il-laboratorji, fosthom fil-laboratorji li hemm fil-bank tad-demm – fejn tinżamm ir-riżerva tad-demm. Hemmhek tkellimna ma’ Jesmond Debono, xjenzat mediku li spjega li d-demm jinżamm imkessah jew iffriżat f’apparat sofistikat – li saħansitra huwa mqabbad mas-security tal-isptar – biex jekk it-temperatura tinżel jew titla’ iktar minn kemm suppost, jindunaw mill-ewwel.

Ritratt: Martin Agius

Fost il-laboratorji hemm dak fejn saħansitra titkabbar il-moffa biex fost oħrajn it-tabib ikun jista’ jara xi trattament għandu jagħti. Kif jispjega Stephen Decelis, xjentist mil-laboratorju tal-mikoloġija.

“Wara li nirċievu s-sample tal-pazjent, dawn nistudjawh taħt il-mikroskopju biex naraw jekk hemmx infezzjoni jew le. Wara nkabbru l-moffa li nirċievu biex inkunu nistgħu nidentifikaw l-isem tal-moffa bl-iskop li t-tabib ikun jista’ jagħmel id-dijanjożi”, qalilna Stephen Decelis.

Kemm il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius kif ukoll id-Deptat Herman Schiavone iddawwru fil-laboratorji fejn lilhom ġie spjegat il-ħidma li ssir. Min-naħa tagħhom, iż-żewġ Deputati rringrazzjaw lix-xjenzjati kollha tal-impenn tagħhom – ħolqa essenzjali fil-katina tas-servizzi tas-saħħa.

NET News iddawwar mal-laboratorji minn Charles Borg, xjenzat mediku ewlieni fil-laboratorji tal-isptar.

Il-Viċi Kap tal-PN u d-Deputat Herman Schiavone bi żjara fil-laboratorji tal-isptar Mater Dei (Ritratt: Martin Agius)
Parti mir-riżerva ta’ demm fil-laboratorji tal-isptar Mater Dei (Ritratt: Martin Agius)
Id-demm jinżamm imkessaħ jew friżat f’temperatura stabbli. Jekk it-temperatura tiżgarra, jibda jdoqq alarm biex tinġibed l-attenzjoni (Ritratt: Martin Agius)
Fil-laboratorji titkabbar ukoll il-moffa apposta biex il-mard jiġi identifikat sew (Ritratt: Martin Agius)
Qed tittella’ il-‘Biomedical Week’ biex in-nies jiltaqgħu max-xjenzati li s-soltu jkunu magħluqa fil-laboratorji (Ritratt: Martin Agius)