“Il-professjoni tal-periti hija importanti ħafna għall-preżent u għall-futur tal-pajjiż u l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiddiskuti mal-Kamra tal-Periti biex infasslu pjan fit-tul tal-ippjanar madwar Malta u Għawdex”. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal dan waqt laqgħa li kellu ma’ delegazzjoni mill-Kamra tal-Periti.
Adrian Delia qal li bħalma huwa importanti ppjanar fit-tul fl-edukazzjoni u fis-saħħa, hekk ukoll huwa importanti li jkollna ppjanar aħjar fit-tul fil-bini, sabiex naraw li l-infrastruttura tkun adegwati għall-futur. Dan sabiex dak li jinbena llum ikun wirt għal għada, b’rispett sħiħ lejn l-ambjent, il-bini storiku u dak kollu li jagħmilna Maltin. Huwa qal ukoll li dan l-ippjanar fit-tul għandu jsir biex naraw x’bini rridu nibnu fil-futur skont il-ħtiġijiet li se jkollhom in-nies.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Periti, il-Professur Alex Torpiano ddeskriva lil Malta bħala pajjiż żgħir b’ambizzjonijiet kbar. Huwa qal ukoll li wasal iż-żmien li l-iżvilupp tal-pajjiż ma jitkejjilx biss mil-lat ekonomiku, iżda wkoll fuq kemm huwa sabiħ li tgħix fil-pajjiż u l-livell tal-ħajja tan-nies. Alex Torpiano ddeskriva kif l-iżvilupp, l-ippjanar u l-kostruzzjoni jħallu impatt ċar fuq il-kuntentizza tan-nies.
Fi tmiem il-laqgħa, ma’ NET News, il-Professur Alex Torpiano qal li waqt il-laqgħa mal-Partit Nazzjonalista, kien hemm korrispondenza fil-ħsibijiet li ġew diskussi.
“Il-punti li ddiskutejna jinkludu s-sistemi ta’ ppjanar, ir-regolamentazzjoni għall-bini u l-professjoni tal-periti. Tkellimna fuq l-effetti kollha u sibna korrispondenza fil-ħsibijiet”, qal il-President tal-Kamra tal-Periti.
“Offrejna l-għajnuna tagħna fuq ċertu issues. Kuntent ngħid li Adrian Delia offra l-għajnuna fuq għajnuna li jistgħu jsiru li m’humiex kontroversjali politikament iżda li jistgħu jkunu ta’ ġid kbir għall-industrija”, temm jgħid il-Professur Alex Torpiano.
1Il-Partit Nazzjonalista jrid li jaħdem mal-Kamra tal-Periti b’mod partikolari fuq Architectural Policy u reviżjoni adegwata tal-building regulations għall-ħtiġijiet tal-lum, b’implimentar aktar effiċjenti. Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien hemm id-Deputati Marthese Portelli u Toni Bezzina.