L-ikbar għaqda tal-istudenti fl-Università, l-SDM, ħabbret il-kandidati tagħha għall-elezzjoni ta’ din is-sena tal-Kunsill Studenti Universitarji.
Dan hekk kif fil-jiem li ġejjin issir il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-KSU b’rapport dwar l-aħħar sena ta’ ħidma.
It-tnedija tal-kandidati tal-SDM saret fl-Università, fil-preżenza ta’ għexieren ta’ studenti. It-tim ta’ kandidati qed jitmexxa minn Carla Galea, li se tkun qed tikkontesta għall-irwol ta’ President.
Carla Galea bħalissa tokkuppa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-KSU, u ma’ NET News tkellmet dwar il-pjan ta’ kontinwazzjoni li L-SDM għandha għall-università.
“Il-manifest ħa jkun mibni madwar l-istudent innifsu, biex jindirizza l-problemi li qed isibu l-istudenti u biex ikompli jibni komunità fl-Università biex ikollna verament università li tixraq lil kull student”, qalet Carla Galea lil NET News.
Minkejja li l-SDM qatt ma tilfet elezzjoni waħda fl-Università ta’ Malta, il-President tal-SDM Neil Smart Costantino jirrikonoxxi li t-triq ‘il quddiem hija viżjoni li ma tinjorax il-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-istudenti.
“Tkellimna mal-istudenti, rajna x’inhuma n-nuqqasijiet tal-Università jew x’nuqqasijiet jaraw fil-Kunsill jew x’jista’ jittejjeb u rajna li b’konsistenza ma’ dak li għamilna fl-aħħar snin noħorġu b’sett ta’ ideat b’viżjoni ċara għall-Università tagħna, u għalhekk se nagħtu Università li tixraq lilhom b’ideat li jixirqu lilhom”, qal Smart lil NET News.
Din is-sena il-PULSE iddeċidew li jikkontestaw wara nuqqas ta’ numru ta’ snin u dan minkejja li fis-snin li għaddew ikkritikaw is-sistema elettorali.
Fil-Junior College, fejn tintuża l-istess sistema, il-Kunsill jitmexxa mill-PULSE, bl-għaqda soċjalista ma ssib l-ebda problema bis-sistema elettorali tal-Junior College.
//= $special ?>