Sewwieq ta’ mutur sofra ġrieħi gravi wara ħabta ma’ żewġ karozzi fil-Bypass ta’ Birkirkara ilbieraħ waranofsinhar.
Kien għall-ħabta tal-erbgħa u nofs ta’ waranofsinhar, meta seħħ inċident tat-traffiku fi Triq Dun Karm, Birkirkara.
Minn stħarrig preliminari illi sar mill-Pulizija rriżulta li kien seħħ inċident bejn żewġ karozzi u mutur, u b’konsegwenza t’hekk is-sewwieq tal-mutur sofra xi ġrieħi.
Il-vettura tal-għamla Hyundai Excel kienet qed tiġi misjuqa minn raġel ta’ 74 sena residenti Birkirkara filwaqt li l-vettura l-oħra involuta f’dan l-inċident tal-għamla Peugeot 107 kienet qed tiġi misjuqa minn raġel Franċiż ta’ 24 sena.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-mutur tal-għamla Piaggio, raġel ta’ 48 sena residenti Birkirkara, l-Isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard ir-raġel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.
//= $special ?>