Lokali Qorti

Il-Qorti ma taċċettax l-appell ta’ Erin Tanti

Il-Qorti tal-Appell Kriminali ma aċċettatx l-appell li sar mit-tim legali ta’ Erin Tanti dwar l-att ta’ akkuża u għalhekk issa mistenni li jgħaddi ġuri.

Tanti hu akkużat bil-qtil volontarju u li assista s-suwiċidju ta’ Lisa Maria Zahra li kellha ħmistax-il sena. It-tnejn li huma kienu nstabu taħt l-irdum ta’ Ħad Dingli fid-19 ta’ Marzu tas-sena 2014. Tanti jinsab ukoll akkużat li kkorrompa minorenni fi żmien li kien ukoll għalliem.

Tanti appella quddiem il-qorti wara li kien qal li l-akkużi ma kienux preċiżi u kienu drammatiċi b’mod eċċessiv.
F’Lulju tal-2017, il-Maġistrat Antonio Mizzi kien laqa’ t-talba li titneħħa r-referenza kollha li kienet issemmi li Zahra kienet ikkunsmat l-alkoħol imma ma laqax it-talbiet l-oħra u saħaq li ż-żewġ akkużi ta’ qtil u li assista suwiċidju ma kienux alternattiva għal xulxin.

Għalhekk id-deċiżjoni tal-ewwel qorti kienet aċċettata mill-Qorti tal-Appell Kriminali li kienet mmexxija mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri, l-Imħallef Joseph zammit Mackeon u l-Imħallef Edwina Grima.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali qalet ukoll li minkejja li l-fatti mressqa quddiem il-qorti jixbħu lil dawk ta xi storja madankollu l-fatti mhumiex dramattiċizzati kif qed jgħid l-akkużat.

Il-qorti ċaħdet l-appell u qalet li l-ġurati fil-ġuri se jingħataw struzzjonijiet dwar kif għandhom jiġu interpretati l-evidenza u s-sottomissjonijiet imressqa quddiemhom. Għal Erin Tanti qed jidhru l-avukati Michael u Lucio Sciriha filwaqt li l-ispettur Keith Arnaud hu l-uffiċjal prosekutur.