Lokali Parlament

Il-bżonn ta’ xhud anonimu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi sostna li l-isport Malti hu infestat bil-korruzzjoni li mhux se titkisser jekk mhux se jitwaqqaf iċ-ċirku ta’ omertà.

Fil-parlament Jason Azzopardi qal li l-liġi dwar il-korruzzjoni fl-isport saret fl-1976 iżda llum il-mod kif issir din il-korruzzjoni nbidel. Wara l-korruzzjoni fl-isport, illum hemm il-kriminalità organizzata li mhix essenzjalment Maltija. It-turn over mill-korruzzjoni fl-isport fi ftit snin oħra se jkun qed jaqbeż il-qligħ mit-traffikar tad-droga f’kull sena.

Jason Azzopardi spjega kif issir il-korruzzjoni fil-football u qal li l-ħabs għandu jkun tassattiv bħala piena. Hu ta dettalji dwar l-operat tat-task force dwar il-korruzzjoni u qal li l-qorti issa m’għandix għażla li tagħti sentenza sospiża.

Il-pieni qed jiżdiedu sostanzjalment fejn f’każi fejn ikunu involuti atleti, uffiċjali tal-logħba, uffiċjal tal-klabb, uffiċjal pubbliku jew uffiċjal ta’ Sportmalta l-piena tiżdied biex ikun hemm deterrent tikbar.

Hu qal li anki l-MFA kienet qed taqbel miegħu dwar ix-xhud anonimu għaliex anki fil-FIFA x-xhud anonimu hu permess. Dan il-kunċett hu aċċettat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Jason Azzopardi sellem lill-MFA u lill-Integrity Officer Franz Tabone li jiġġieled il-koruzzjoni, iżda waħdu ftit jista’ jagħmel.