Internazzjonali

Iżrael: Investigata sparatura li qajjmet għadab kbir

Il-militar Iżraeljan  qed jinvestiga filmat li, allegatament, ‘jaqbad suldati qed jifirħu u japplawdu l-fatt li Palestinjan ( li ma kienx armat) spiċċa jaqla’ tiri ta’ arma.

Il-filmat inġibed mill-mira ta’ azzarin u malajr iċċirkola fuq il-mezzi tal-Internet minbarra li ngħata prominenza kbira mit-Televiżjoni ta’ Iżrael.

Il-militar qed jgħid li l-isparatura, li  seħħet mal-fruntiera ta’ Gaza, tidher li saret xhur ilu.Intant, il-każ qed ikun investigat fi żmien ta’ tensjoni għolja dwar Gaza.

Iżrael qed ikun ikkritikat talli s-suldati tiegħu qegħdin jiftħu n-nar fuq għexieren ta’ Palestinjani – ħafna drabi b’konsegwenzi fatali. L-aħħar sparaturi seħħew f’dawn il-jiem waqt konfronti bejn truppi u dimostranti Palestinjani tul il-fruntiera Iżraeljana ma’ Gaza.

L-Iżraeljani, fl-istess ħin, iddefendew l-azzjonijiet fejn sostnew li kienu kostretti li jisparaw fuq individwi ( Palestinjani) li pruvaw jgħaddu mill-fence tal-fruntiera kif ukoll fuq aggressuri li użaw l-armi u l-isplussivi.

Sadanittant, il-filmat li qed iqajjem l-aħħar polemika juri tliet irġiel bilwieqfa qrib fence u fejn tinstama’ sparatura – bir-riżultat li wieħed mill-irġiel, li ma kienx armat, jaqa’ mal-art. Sekondi wara, jinstama’ xi ħadd qed jitkellem bl-Ebrajk fuq il-filmat u fejn jikkummenta b’arja ta’ ċelebrazzjoni. Il-filmat juri wkoll numru ta’ nies qed jiġru fid-direzzjoni tar-raġel li kien qala’ it-tir u li spiċċa ferut.

L-indikazzjonijiet, issa, huma li sniper Iżraeljan man-naħa l-oħra tal-fruntiera kien spara fuq ir-raġel ‘waqt ċirkostanzi ta’ periklu u f’sitwazzjoni ta’ rewwixta’. Intant, il-Ministru tad-Difiża Iżraeljan, Avigdor Lieberman, qal li s-sniper ‘ħaqqu medalja’.

Il-video, deher għall-ewwel darba fuq it-Televiżjoni Channel 10 ta’ Iżrael u malajr iċċirkola online fost reazzjonijiet ta’ għadab u xokk.

L-inċident kien ikkundannat ukoll minn politiċi Iżraeljani tal-lemin u x-xellug, b’uħud jgħidu li l-filmat qed jindika ‘l-esekuzzjoni kiesaħ u biered ta’ raġel li ma kien qed jhedded lil ħadd’. Dan ukoll fost is-sejħiet biex ‘l-allegati aggressuri jitressqu għall-ġustizzja’.