Lokali

L-Imħallef Joseph Azzopardi se jkun il-Prim Imħallef il-ġdid

Il-Gvern fi sqarrija qal li jkun qiegħed jagħti parir lill-President ta’ Malta biex taħtar lill-Imħallef Joseph Azzopardi bħala l-Prim Imħallef il-ġdid u suċċessur tal-Prim Imħallef attwali Silvio Camilleri.

Hu mistenni li l-aħħar ġurnata tal-Prim Imħallef Silvio Camilleri fil-kariga tiegħu tkun nhar il-25 ta’ April, 2018, u jirtira hekk kif jagħlaq il-65 sena, skont kif provdut fil-kostituzzjoni. Il-Prim Imħallef il-ġdid jinħatar fil-ġurnata ta’ wara, fis-26 ta’ April, 2018.

Il-Gvern qal li fl-għażla tal-Imħallef Joseph Azzopardi, il-Gvern żamm lill-Oppożizzjoni kontinwament aġġornata.

L-Imħallef Azzopardi twieled l-Isla fl-1955 u ngħata l-warrant biex jeżerċità l-professjoni ta’ avukat fl-1980.

Huwa pprattika estensivament bħala avukat fil-qrati u kien ukoll konsulent legali ta’ diversi korporazzjonijiet pubbliċi.

Huwa serva wkoll bħala direttur tal-Mid Med Bank fil-Bord tal-Awtorità tad-Djar kif ukoll kien elett bħala membru tal-Kamra tal-Avukati u bħala president tal-istess Kamra.

Huwa nħatar Imħallef tal-Qrati Superjuri fl-2003 u serva fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, fil-Qorti tal-Familja u s-Sekond’ Awla tal-Qorti Ċivili sakemm fi Frar tas-sena 2013 huwa ġie maħtur mill-Prim Imħallef biex iservi bħala imħallef fil-Qorti tal-Appell (Sede Superjuri). Ilu mill-2010 membru tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja b’għażla tal-imħallfin stess.