Fil-Parlament, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li sal-ħin tal-istqarrija Ministerjali li għamel fil-Parlament kien hemm 7 persuni li kienu għadhom qed jiġu rikoverati fl-isptar Mater Dei – fost dawn hemm 4 persuni rikoverati fit-taqsima tal-kura intensiva. Tlieta minn dawn is-seba’ persuni rikoverati l-isptar huma tfal.
Il-Ministru Chris Fearne qal li ftit wara l-inċident intbagħtu żewġ ambulanzi wara telefonata lid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-4.15 ta’ waranofsinhar. Iżda aktar tard kellhom jintbgħatu erba’ ambulanzi oħra malli l-estensività tal-inċident saret magħrufa.
B’kollox indarbu 50 persuna minn 14-il pajjiż differenti. 19 minn dawn ittieħdu fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid li ġew rilaxxati matul il-ġurnata. Min-naħa l-oħra, 31 persuna ttieħdu l-isptar Mater Dei, fejn b’kollox ġew rilaxxati 24 persuna bejn ilbieraħ u llum. Filfatt, dalgħodu ġew rilaxxati żewġ persuni minn dawn l-24.
B’kollox kellhom isiru żewġ operazzjonijiet maġġuri fuq żewġ żgħażagħ, it-tnejn ta’ 21 sena mill-Ingilterra. Fuq wieħed minnhom kellha ssir it-tieni operazzjoni dalgħodu.
Fi stqarrija Ministerjali separata, il-Ministru Ian Borg qal li kemm ix-xufier kif ukoll il-vettura nvoluta kellhom il-liċenzji kollha skont il-liġi.
Fil-Parlament, tkellem il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li qal li quddiem traġedji bħal dawn, m’għandux ikun hemm Gvern u Oppożizzjoni, iżda pajjiż u poplu wieħed.
//= $special ?>