Internazzjonali

L-Italja: Terremot ta’ 4.7 jolqot ir-reġjun ta’ Marche

 

Terremot li rreġistra 4.7 fuq l-Iskala Richter dalgħodu heżżeż ir-reġjun ta’ Marche – l-istess reġjun li, sentejn ilu, kien ġarrab terremot kbir li sewa l-ħajja ta’ 300 persuna minbarra li qered numru ta’ villaġġi fiz-zona.

Il-belt ta’ Muccia, viċin Macerata, kienet ikkonfermata bħala l-epiċentru tat-terremot fost rapporti li t-theżżiż ikkaġuna ammont ta’ ħsarat.

L-awtoritajiet fil-belt ta’ Pieve Torina ( li batiet bil-kbir taħt l-impatt tat-terremot tal-2016) iddeċidew li jingħalqu l-iskejjel għall-kumplament tal-ġurnata, filwaqt li komplew jevalwaw is-sitwazzjoni.

Intant, il-kampnar tal-knisja ta’ Santa Maria di Varano (li tmur lura sas-seklu sbatax) f’Muccia, ċeda waqt it-theżżiż mill-aħħar terremot.

Qabel dan it-terremot, ħafna fost il-popolazzjoni ta’ ftit mijiet f’Muccia diġà kienu qegħdin jużaw akkommodazzjoni ta’ emerġenza minħabba t-terremoti preċedenti li kienu laqtu l-inħawi.

Is-Sindku ta’ Muccia, Mario Baroni, intant qed jinkwieta li anki l-ftit residenzi taz-zona li n-nies setgħu jgħixu fihom kapaċi (illum) spiċċaw ‘wisq perikolużi’. F’dan il-każ, il-komunità partikulari jkollha tiffaċċja aktar problemi u ‘nies mingħajr saqaf fuq rashom’.

Dan meta r-residenti taz-zona  qed jiffaċċjaw biża u nuqqas ta’ sigurtà kontinwa minħabba t-theżżiż tal-art sekondarji li damu għaddejjin fit-tul.

L-aħħar rapporti qalu li s-servizzi bil-ferrovija madwar iz-zona spiċċaw sospiżi waqt li saret evalwazzjoni għall-ħsarat potenzjali fil-binarji.

Madankollu, ir-rapporti mill-inħawi indikaw li, minkejja l-ħsarat lill-bini, ma rriżultaw l-ebda vittmi jew każi ta’ feriment serju b’kaġun tat-theżżiż.