Lokali Parlament

Qed jitpoġġew is-sisien għal sport nadif

Il-Kap tal-PN Adrian Delia

– Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li permezz tal-liġi li tiġġieled il-korruzzjoni fl-isport, il-pajjiż qed iħejji s-sisien għal sport nadif.

Fil-parlament Adrian Delia qal li l-isport hu suġġett għal qalbu tant li ilu snin twal jitkellem dwar diversi setturi fosthom il-kontroll tad-drogi fl-isport. Dan biex l-isport jibqa’ jattira lit-tfal u li l-isport juri li hemm ħajja oħra barra x-xogħol.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li jeħtieġ bdil fil-ħsieb dwar l-isport għaliex l-isport hu taċ-ċittadini kollha u mhux għat-tfal jew iż-żgħażagħ biss. Hu qal li l-korruzzjoni fl-isport tinfed fuq dak li l-pajjiż ikun qed jipprova jirrikrea ruħu.

Adrian Delia qal li l-kumpless ta’ inferjorità li hawn fil-pajjiż irid jispiċċa għaliex jekk il-Maltin jilgħabu għal pajjiżhom, huma jiksbu l-unuri. Il-players u t-tfal huma vittmi tal-kriminalità organizzata. Minn barra l-pajjiż hemm ‘l fuq minn €70 miljun li jintlagħbu anki fuq l-iċken diviżjonijiet ta’football Malti fejn il-logħob anki jsir mill-Asja.

Adrian Delia semma l-każ tat-tim nazzjonali Malti tal-football tal-U21 fejn kien hemm il-marda tal-korruzzjoni fost min qed jilgħab għall-pajjiż. Din il-liġi li nbniet mal-partijiet kollha. Waħda mill-problemi kienet li l-players ma jitħallsux, li jaqgħu għat-tentazzjoni ta’ flejjes li jiġu orffruti lilhom li wara jkunu manipulati biex nies minn barra l-pajiż jilgħabu ammonti sostanzjali fuq il-logħbiet. Dawn qed jherru s-soċjetà Maltija għaliex flok it-tfal qed jitgħallmu s-sagrifiċċju, qed jispiċċaw vittma li wħud minnhom jinxtraw għall-flus.

Il-PN qed jieħu inizjattivi oħra fosthom wirja ta’ ritratti relatati mal-isport biex jitwassal messaġġ li l-isport qed jingħata rikonoxximent mill-parlament. Qed ikun organizzat ukoll seminar li fih se ssir diskussjoni dwar il-korruzzjoni fl-isport.

L-edukazzjoni u l-liġi li tressqet huma għodod importanti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-Gvern u l-Oppożizzjoni qed iħejju s-sisien biex l-isport, iż-żgħażagħ u ċ-ċittadini jkunu protetti biex il-pajjiż ikollu sport nadif.