Għawdex Lokali Mużika

Tifħir għas-suċċess ta’ Charles Buttigieg

Joseph Calleja jiddeskrivih bħala "talent rari"

Il-Fondazzjoni BOV Joseph Calleja bi pjaċir tħabbar li Charles Buttigieg, wieħed mill-Istudenti żgħażagħ minn Għajnsielem f’Għawdex, ġie offrut borża ta’ studju għal programm ta’ tagħlim biex jistudja l-Vuċi fl-Istitut prestiġjuż tal-Mużika Curtis, fil-Philadelphia.

Wara proċess ta’ applikazzjoni rigoruż, Charles intgħażel għall-provi quddiem il-Panel tal-Ammissjonijiet ġewwa Philadelphia x-xahar li għadda u ġie infurmat li huwa ntgħażel għal post fil-kors li jibda f’Settembru 2018. Curtis huwa wieħed mill-konservatorji ewlenin tal-mużika fl-Istati Uniti u jispeċjalizza fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-mużiċisti żgħażagħ bl-akbar talenti fid-dinja.

L-ittra tal-offerta li ntbagħtet minn Curtis kienet tgħid li Charles “spikka bħala wieħed mill-aktar studenti b’talent u promettenti f’dak li kien wieħed mill-aktar gruppi ta’ applikanti kompetittivi fl-istorja tal-Istitut”.

Joseph Calleja qal li huwa kien “ferħan ħafna b’din l-aħbar” u jinnota li Charles huwa “talent baritonu rari li l-Fondazzjoni BOV Joseph Calleja ilha tinkoraġġixxi u tappoġġja għal aktar minn sentejn” filwaqt li żied li dan “huwa l-ewwel pass f’dak li se jkun vjaġġ twil – imma pass eċċellenti f’dan il-vjaġġ, għaliex Curtis huwa konservatorju mill-aqwa u b’rata ta’ aċċettazzjoni ta’ biss 5% tal-applikanti. Il-kompetizzjoni għall-postijiet fih hija dejjem waħda intensa”. Calleja rrimarka li “ringrazzjament kbir għandu jmur lil Juliette Bisazza, il-kowċ tal-vuċi ta’ Charles, li ilha taħdem miegħu għal numru ta’ snin u li kienet ħejjietu tant tajjeb għall-proċess kritiku tal-provi.”

Charles Buttigieg qal li baqa’ “bla kliem” meta rċieva l-posta elettronika li għarrfitu bis-suċċess tiegħu, u li issa kien qed jistenna b’ħerqa kbira biex jieħu postu u jaħdem qatigħ ġewwa Curtis – li jiġbor fih komunità diversa ħafna, u li għandu kultura ta’ “tagħlim permezz tal-prattika”.

Hu żied jgħid li kien grat ħafna lejn Juliette Bisazza, lejn Joseph Calleja u lejn il-Fondazzjoni BOV Joseph Calleja u l-Patruni tagħha, kif ukoll lejn ħafna u ħafna nies li għenuh u tawh il-kuraġġ matul is-snin.