Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, wiegħed ‘reazzjoni qawwija’ għal allegat attakk bil-kimika li seħħ jiem ilu fis-Sirja. Dan meta l-Mexxejja tal-Punent qegħdin jikkunsidraw l-aħjar azzjoni fiċ-ċirkustanzi.
Trump sostna li pajjiżu għandu diversi għażliet militari u li ‘it-Tmexxija Amerikana se tiddeċiedi dalwaqt it-tip tar-reazzjoni xierqa’.
Sorsi mediċi qalu li mietu għexieren ta’ nies fl-allegat attakk bil-kimika iżda impossibbli li wieħed jivverifika l-ammonti. Intant, Trump qal li l-Istati Uniti ‘qed taslilha l-informazzjoni dwar l-entitajiet responsabbli għall-attakk tas-Sibt fl-inħawi ta’ Douma’.
Il-President Amerikan, fil-bidu tal-ġimgħa, iddiskuta l-inċident mal-President ta’ Franza Emmanuel Macron u ż-żewġ mexxejja esprimew impenn għal ‘azzjoni li twieġeb għall-aġir tal-aggressuri fis-Sirja’. Dan meta l-informazzjoni sigrieta li kienet analizzata mill-Istati Uniti u Franza tikkonferma ‘fit-teorija’ li ntużaw l-armi kimiċi f’Douma.
Fi Frar li għadda, Macron kien hedded li jattakka lis-Sirja f’każ li kellhom joħorġu provi dwar l-użu tal-armamenti kimiċi f’dak il-pajjiż.
Min-naħa tagħha, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, ikkundannat bla riservi l-inċident barbaru f’Douma u sejħet biex is-sostenituri tal-President Sirjan, Bashar al-Assad, jagħtu kont għal għemilhom.
Il-kundanna mill-Punent segwiet laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fejn l-Istati Uniti u r-Russja ( sostenitur ta’ Assad) użaw il-kummenti iebsa kontra xulxin b’konnessjoni mal-inċident f’Douma.
Ir-Rappreżentanta Amerikana għan-NU, Nikki Haley, sejħet għal vot rigward abbozz ta’ riżoluzzjoni li jippermetti investigazzjoni ġdida dwar l-użu tal-armi kimiċi fis-Sirja — iżda r-Russja qalet li ma tistax tappoġġja din il-proposta peress li ‘fiha elementi li mhumiex aċċettabbli’.
//= $special ?>

