Lokali

Wasal iż-żmien li jittieħdu passi kontra min jabbuża fl-isport

– Fredrick Azzopardi, PN

L-edukazzjoni hi fundamentali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport iżda magħha issa wasal iż-żmien li jittieħdu passi kontra min jabbuża fl-isport.

Dan sostnih id-deputat Nazzjonalista Fredrick Azzopardi meta kien qed jitkellem fil-parlament fid-dibattitu dwar il-liġi kontra l-korruzzjoni fl-isport. Hu qal li l-isport hu qasam ta’ tgawdija u ferħ tal-poplu u enfażizza l-importanza tal-fiduċja fir-riżultati sportivi.

Fredrick Azzopardi kompla li din hi liġi li tipproponi pieni ta’ ħabs iktar ħorox fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport. L-Oppożizzjoni ddikjarat l-appoġġ tagħha għal dan l-abbozz u tat il-kontribut meħtieġ lit-task force li hi front magħqud u komuni kontra għadu komuni.

L-Oppożizzjoni temmen li għandha tkun attwata attitudni ta’ tolleranza zero biex jiħraxu l-pieni kontra l-korruzzjoni fl-isport. Il-liġi qed tistipula massimu ta’ 5 snin ħabs għal min jinstab ħati ta’ korruzzjoni fl-isport u multi sa €125,000. Il-qrati se jkunu jistgħu jordnaw il-konfiska tal-ligħ kollu li jkun sar mill-korruzzjoni fl-isport.