Lokali

Żewġ karozzi fil-mira ta’ ħruq f’nofs ta’ lejl fil-Gżira

Ħadd ma weġġa’ fi ħruq ta’ żewġ karozzi li seħħ matul il-lejl li għadda fil-Gżira. Il-każ seħħ għall-ħabta tat-3am fi Triq Tas-Sliema.

Minn informazzjoni li kiseb NET News jirriżulta li l-Pulizija mhix teskludi l-possibbiltà li l-karozzi, tat-tip Toyota Vitz u Kia Rio, setgħu tqabbdu b’intenzjoni.

Dan hekk kif, mill-ewwel stħarriġ ma rriżultax li kien hemm sinjali ta’ ħruq aċċidentali.

Residenti ta’ din it-triq ċemplu lill-Pulizija biex jirrappurtaw dak li kien ġara, bin-nar ġie kkontrollat minn membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Min-naħa l-oħra, fortunatament, ħadd ma weġġa’ fil-każ.

Filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, infetħet ukoll Inkjesta Maġisterjali.