Lokali Mużika

FILMAT: Christabelle twassal messaġġ pożittiv wara li provaw iwaqqgħuha għaż-żufjett

"Bdew jagħmlu mossi u jitkellmu fuqi"

Il-kantanta Christabelle, li qed tipprepara sabiex ix-xahar id-dieħel tirrapreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision ta’ Lisbona, spiċċat vittma ta’ mossi oxxeni u rimarki indirizzati lejha meta dalgħodu kienet qed tieħu xi ritratti fil-Belt.

Hi tkellmet dwar dan f’messaġġ fuq Instagram.

“Kien hemm grupp tfajliet li bdew jagħmlu mossi u jitkellmu fuqi. Din għandha tkun lezzjoni għal kulħadd. U rrid li nwassal messaġġ – aħsbu qabel tagħmlu xi ħaġa”.

Christabelle xtaqet twassal messaġġ partikolarment indirizzat lejn persuni vulnerabbli, illi jaf ikun il-każ li azzjonijiet bħal dawn jagħmlulhom effetti kbar psikoloġiċi.

Ftit tal-jiem ilu sar magħruf li Malta se tkun qed tkanta fit-tieni nofs tat-tieni semi-finali tal-Eurovision fil-Portugall.

It-tieni semi finali se ssir il-Ħamis 10 ta’ Mejju.

Christabelle se tinterpreta l-kanzunetta ‘Taboo’ wara l-Polonja u qabel l-Ungerija.

Net News se jwasslilkom aġġornamenti kontinwi minn Lisbona matul dik il-ġimgħa, bi preżentazzjoni ta’ Peter Carbonaro.