Lokali Saħħa

FILMAT: Id-dar tal-anzjani privata ‘Villa Messina’ inawgurata wara xogħol qawwi ta’ rinovazzjoni

Ritratt: Matthew Tabone

Wara 25 sena ta’ servizz għall-komunità, il-kumpanija ‘Care Malta’ li hija parti minn Vassallo Group, inawgurat xogħol ta’ rinovazzjoni li sar fid-dar tal-anzjani ‘Villa Messina’ fir-Rabat.

Villa Messina fetħet il-bibien tagħha uffiċjalment f’Awwissu tal-1996. Ftit aktar minn sena ilu, it-tmexxija ta’ CareMalta ddeċidied li kellha tagħmel xogħol estensiv ta’ rinovazzjoni f’din id-dar, li llum tilqa’ għandha iktar minn 200 anzjan u anzjana. Kif tispjega l-Kap Eżekuttiv ta’ CareMalta, Natalie Briffa Farrugia.

“Aħna nagħtu valur qawwi lill-kwalità. Inħossu li 25 sena ilu konna ta’ eżempju għaliex konna l-pijunieri fis-settur privat li dħalna għal dan l-impenn. Illum inħossu li għandna nkomplu nkunu ta’ eżempju għall-futur u għall-bqija tas-settur privat li llum qed jiżdied. L-investiment jeħtieġ ikompli jkun imġedded għaliex persuni anzjani u iżjed ma jkunu vulnerabbli jixraqilhom din il-kwalità ta’ ħajja”, qalet il-Kap Eżekuttiv ta’ CareMalta.

CareMalta tmexxi b’kollox tmien djar tal-anzjani, fosthom Casa Arkati u Roseville. Peress li CareMalta hija parti minn Vassallo Group, waqt l-inawgurazzjoni tkellem iċ-Chairman tal-Grupp Nazzareno Vassallo.

F’diskors li għamel spjega li fix-xogħol li sar tbiddlet is-sistema kollha ta’ dawl u ilma, saru kmamar tal-banju ikbar u iktar aċċessibbli, iddaħħlet għamara ġdida, inbniet multi-purpose hall, saret kappella ġdida, kċina ġdida, kamra tal-ikel ġdida, lifts ġodda u akbar, fost oħrajn.

L-inawgurazzjoni saret mill-Prim Ministru Joseph Muscat peress li din hija waħda mid-djar li taħdem b’sistema ta’ partnership bejn il-Gvern u l-privat; u fost dawk li attendew kien hemm il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar il-kura fil-komunità Maria Deguara, li fissret l-impenn tagħha li tagħti l-appoġġ f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-anzjani.

Hi appellat li l-importanza li l-Gvern jagħti lill-qasam tal-anzjani b’public-private partnerships, jagħtiha wkoll lis-settur tal-persuni b’diżabilità.

Il-privat investa b’kollox €4 miljun fir-rinovar ta’ Villa Messina, li tinsab eżattament biswit il-Knisja tad-Dumnikani r-Rabat.

Ritratt: Matthew Tabone