L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi għadha trid tiddeċiedi u tagħti l-istruzzjonijiet tagħha biex jinżabru jew jinqalgħu siġar perikolużi minn Triq l-Imdina fl-Imrieħel.
Triq l-Imrieħel hija t-triq fejn kien tilef ħajtu Dan Udrea, missier ta’ 38 sena mir-Rumanija – li kien qed isuq vann meta waqgħet siġra fuqu.
Is-siġra kienet ġiet affettwata minn maltemp li kien laqat lill-gżejjer Maltin.
Issa għaddew xahrejn bl-eżatt minn dak l-inċident sfortunat li kien sewa l-ħajja ta’ missier u ħaddiem – sal-lum, jidher li għad hemm periklu li ma ġiex indirizzat.
Wara anke ilmenti li kienu saru, bord apposta kien għamel evalwazzjoni tas-siġar f’din it-toroq. Siġar li jew jinħtieġu li jinżabru jew inkella jitneħħew għal kollox.
Siġriet oħrajn ġew immarkati b’sinjali oranġjo – li jfisser li jeħtieġ li tittieħed xi tip ta’ azzjoni dwarhom minħabba xi periklu eżistenti.
Imma minn informazzjoni li għandu NET News jirriżulta li hija l-ERA – L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi li trid tagħti l-barka tagħha biex tittieħed azzjoni.
Sakemm tingħata din id-direzzjoni u jitneħħa l-periklu, fuq il-post, għad hemm affarijiet li jfakkru l-memorja tar-raġel li kien tilef ħajtu minħabba l-istess periklu.
L-ERA twieġeb
Sadanittant, f’kuntatt ma’ NET News, kelliem għall-ERA qal li l-pożizzjoni tagħha diġà kienet saret magħrufa, fis-sens illi biex jittieħdu passi dwar is-siġar inkwistjoni, m’hemmx bżonn approvazzjoni tal-ERA peress li m’humiex siġar protetti.
//= $special ?>