Lokali

Gvern Laburista bidel il-policy biex sar bini mostruż u ttieħdet parti mill-bypass tal-Mellieħa

– Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar ddikjara li l-bini mostruż li tela’ fil-bypass tal-Mellieħa u l-mod kif ittieħdet parti minn din it-triq pubblika saru kollha wara li l-Gvern Laburista bidel il-policy u b’hekk sar possibbli li din l-applikazzjoni tkun approvata.

Fl-Aġġornament tal-parlament Robert Cutajar qal li bħala deputat irid iwssal il-vuċi dwar dak li qed iseħħ fil-Mellieħa fil-każ tal-atroċitajiet fil-bypass u ż-żona Ta’ Masrija. Din hi l-vuċi ta’ 3,500 persuna li ffirmaw petizzjoni waqt li eluf oħra tkellmu fuq facebook. Il-poplu jrid lura dak li hu tiegħu u għalhekk il-gvern għandu jagħmel ġustizzia għaliex kien il-gvern li kien l-awtur għal dak li qed iseħħ. Il-kunsill lokali issa m’għamilx oġġezzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista qal li hu kien ta l-kelma li se jibqa’ jkun il-vuċi biex jara li ma tinbidilx il-policy. Fl-2006 il-MEPA kienet ħarġet dokument li kien tqassam bieb bieb biex ikunu ċerti li se jibqa kollox l-istess. Min-naħa tagħhom, l-iżviluppaturi kienu qed jittamaw li l-policy tinbidel biex jinbena monstru bħal-lum.

Bħala sindku tal-Mellieħa Robert Cutajar kien kiteb lill-MEPA dwar dan il-każ; bl-appoġġ tal-istess nies li llum qed imexxu l-kunsill lokali. L-istess nies li fl-2012 kienu fuq l-istess mejda jopponu l-proġett iżda llum approvawh u appoġġjawh.

Kien hemm min ħadem minn taħt kif sar il-proġett għax dak li ma kinx aċċettabbli qabel issa sar aċċettabbli. Hu talab spjega dwar it-tifsira ta’ service road u qal li wara l-elezzjoni tal-2013, il-kunsill u l-gvern iridu jwieġbu għal dak li qed iwettaq. Hu staqsa għal min inbidlet il-policy u jekk saritx pressjoni fuq il-gvern biex dan isir.

Id-deputat Nazzjonalista qal li t-triq dejjem kienet b’erba’ kareġġjati u llum qed jinħolqu perikli fit-triq. Transport Malta għandha l-obbligu li l-kareġġjati jkunu ta’ livell li jassiguraw sigurta lin-nies. Jirriżulta li fl-2015 kien hemm bidla fil-policy u fl-2016 ingħata l-permess. Hu staqsa għal min inbidlet il-policy u min kien aġevolat.

Robert Cutajar qal li dan kollu qed isir ħdejn Il-Miżieb waqt li se ssir ukoll lukanda ta’ tmien sulari b’120 appartament fid-daħla tal-Mellieħa. L-uffiċjali tal-MEPA huma kompliċi mal-gvern. Dawn iridu jħallsu kont ta’ għemilhom għal dak li twettaq fejn qed isibu l-barka tal-gvern flimkien mal-kunsill lokali tal-Mellieħa; li hi destinazzjoni ta’ eċċellenza kif dikjarata fl-2009. Fil-pjazza tal-Mellieħa se tinbena lukanda oħra, iżda qisu xejn mhu xejn.

Robert Cutajar kompla li l-ministru responsabbli mill-MEPA jrid iġorr ir-resposabbiltà. Hu rrifera għall-PD u qal li l-PD żelaq meta qal li li mhux iħalluh jitkellem. Hu sostna li l-PN qatt ma għalaqlu ħalqu dwar dan il-każ.

Sal-2013, l-ispekulaturi ma tħallewx iwettqu dak li wettqu wara l-elezzjoni. Hu sellem lill-kunsilliera tal-PN fil-Mellieħa li ressqu mozzjoni b’urġenza iżda s-sindku naqas li jieħu vot. Hu appella biex ssir laqgħa pubblika dwar is-sitwazzjoni u sostna li l-media għandha tinvestiga kif ħarġu l-permessi u kif saret l-applikazzjoni.