Sport Waterpolo

Iffirmat kuntratt bejn l-ASA u Alternative Technologies

L-Aquatic Sports Association u Alternative Technologies Limited iffirmaw ftehim ta’ erba’ snin għal kirjiet ta’ tagħmir kif ukoll kuntratt tal-manutenzjoni. Il-kuntratt kien iffirmat mill-President tal-ASA Joe Caruana Curran u l-Kap Eżekuttiv u Direttur ta’ Alternative Technologies Limited Mario Cachia.

Dan il-kuntratt jinkludi lit-tagħmir eżistenti kif ukoll kull tip ta’ tagħmir li jinxtara mill-Assoċjazzjoni  fejn hu inkluż ukoll kull servizz ta’ konsulenza. Dan il-ftehim kien possibbli bis-sapport tas-Segretarjat Parlamentari għall-Isport u SportMalta.

Dan hu l-ewwel kuntratt ta’ kirja u manutenzjoni li l-kumpanija ATL iffirmat ma’ assoċjazzjoni sportiva kif ukoll hu sinjal tal-ħidma tal-assoċjazzjoni biex ittejjeb il-livell tal-atleti tagħha fid-dixxiplini akwatiċi, fejn jidħol investiment fit-teknoloġija sportiva.

ATL huma wkoll il-fornituri ta’ Swiss Timing Equipment li jintużaw mill-ASA għall-kompetizzjonijiet tal-waterpolo u l-għawm. Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-ASA Rita Azzopardi u s-Segretarju tal-Kumitat Tekniku tal-Għawm David Bonello.