Festi Kultura Lokali

Il-Festival tan-Nar tal-Art Lejlet San Publiju

Vetrina piroteknika fuq il-Fosos tal-Furjana

Il-Festival tal-Logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat daħal fit-12-il edizzjoni u se jittella’ nhar is-Sibt li ġej, Lejlet il-Festa Titulari ta’ San Publiju, fuq il-Fosos tal-Furjana.

Is-serata tibda bil-Programm Mużikali tal-Festa mill-Banda Vilhena fid-9 ta’ filgħaxija biswit il-Knisja Arċipretali u jkun segwit mill-kompetizzjoni nnifisha.

L-edizzjoni ta’ din is-sena se tara 13-il kamra tan-nar jikkompetu b’2 biċċiet kull kamra fi 3 kategoriji; l-Aqwa Mekkaniżmu, l-Aqwa Prodotti Użati u l-Aqwa Oriġinalità fid-Disinn u l-Moviment. Il-ġurija se tkun komposta minn 3 pirotekniċi internazzjonali ġejjin mid-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Olanda, immexxijin mill-pirotekniku Malti, Michael Brockdorf.

It-13-il kamra tan-nar li se jikkompetu skont din l-ordni huma dawn:

Kummissjoni Piroteknika Santa Katarina(Għaqda Banda Żejtun) – Żejtun

Kumpless tan-Nar Mount Carmel – Żurrieq

Kumpless tan-Nar Santa Katarina – Żurrieq

Għaqda tan-Nar Sagra Familja – Kalkara

Għaqda tan-Nar Maria Bambina – Naxxar

Għaqda Piroteknika 11 ta’ Frar – San Ġwann

Kumpless tan-Nar San Ġużepp – Ħal Għaxaq

Kumpless tan-Nar 15 t’Awwissu – Mosta

Għaqda tan-Nar Soċjetà Mużikali Maria Bambina, Banda Victory – Naxxar

Kumpless tan-Nar Madonna tal-Ġilju – Mqabba

Kumpless tan-Nar San Ġużepp – Ħal Kirkop

Kummissjoni Nar San Pietru fil-Ktajjen – Birżebbuġa

Kumpless tan-Nar San Ġużepp – Ħaż-Żebbuġ

Preżenti għat-tnedija tal-Festival kien hemm il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali, Robert Cutajar, li feraħ lill-Kunsill għall-mod kif jitmexxa mingħajr kontroversja minkejja li wieħed isib żewġ partiti politiċi fih. Filwaqt li awgura kull suċċess lill-parteċipanti, fakkar kif bħalissa fil-Parlament qed tiġi diskussa liġi fuq il-logħob tan-nar li għandha ssaħħaħ dan l-aspett mill-Festa Maltija.

Ir-riżultati tal-Festival, li qed jittella’ mill-Kunsill Lokali tal-Furjana, b’koordinament ta’ Leon Promotions, jiġu ppreżentati nhar it-Tnejn fis-6.30pm ġewwa l-istess Kunsill.