Lokali

Il-Gvern jibda l-proċess biex idaħħal l-iffriżar tal-embrijuni

Aġġornata

Il-Gvern ressaq fil-Parlament att biex jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni billi fost oħrajn idaħħal l-iffriżar tal-embrijuni.

Dettalji dwar dawn l-emendi ngħataw mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ftit qabel ma tressqu fil-Parlament.

Tul il-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru spjega li b’kuntlarju għal dak li hu permess bil-liġi bħalissa, il-liġi tal-IVF se tinbidel biex minnha jkun jista’ jibbenefika kulħadd – jiġifieri mhux biss persuni eterosesswali, iżda anke persuni tal-istess sess u persuni single.

Dwar l-iffriżar tal-embrijuni, is-sistema tal-IVF bħalissa ma tippermettix li jkun hemm iffriżar tal-embrijuni. Imma bit-tibdil li jrid idaħħal il-Gvern, l-iffriżar tal-embrijuni se jibda jkun possibbli fil-proċess tal-IVF.

B’hekk, ġenituri prospettivi se jkunu jistgħu jiffertilizzaw sa ħames embrijuni – u dawk l-embrijuni li ma jintużawx, se jkunu jistgħu jiġu ffriżati. Madanakollu, Fearne spjega li l-ġenituri prospettivi se jitħallew jiffriżaw l-embrijuni biss jekk jaqblu li dawk li ma jintużawx ikunu jistgħu jingħataw għall-addozzjoni.

B’dak li l-Gvern irid jintroduċi fil-liġi, l-embrijuni li ma jintużawx jistgħu jiġu ffriżati sa meta l-mara tagħlaq 43 sena u wara jingħataw għall-addozzjoni.

Bil-mod kif il-Gvern irid ibidde il-liġi, se jkun hemm possibiltà ta’ donazzjoni tal-isperma, donazzjoni tal-bajda u donazzjoni tal-embrijuni. Dawn id-donazzjonijiet kollha se jibqgħu anonimi.

Meta mistoqsi minn NET News dwar il-pool ġenetiku limitat f’Malta, u kif l-għoti ta’ embrijuni ffriżati għall-addozzjoni jista’ jaffettwa l-ġenetika f’Malta, il-Ministru Chris Fearne kkonferma li f’Malta ma sar l-ebda studju ġenetiku dwar dan – iżda l-informazzjoni kollha ġiet estrapolata minn studji li saru barra minn Malta.

U minkejja li l-Gvern m’għandu l-ebda mandat elettorali li jagħmel dan, il-Ministru Fearne ħabbar li l-Gvern se jkun qed jagħmel konsultazzjoni biex jara jekk għandux jintroduċi is-surrogacy – jiġifieri meta l-embrijun jitpoġġa f’ġuf ta’ mara oħra peress li l-omm ma tkunx tista’ ġġorrha hi.

Dwar dan, Fearne qal li l-ħsieb hu li s-surrogacy titħalla biss jekk tkun fuq bażi volontarja.

Id-diskussjoni fil-Parlament dwar l-emendi li bihom il-Gvern irid idaħħal l-iffriżar tal-embrijuni mistennija tibda l-ġimgħa d-dieħla.