Lokali

FILMAT: “Irridu li l-ħaddiema jitħallsu paga diċenti” – Adrian Delia, Kap tal-PN

"Qed nikrejaw skjavi ġodda tax-xogħol" - Adrian Delia

F’intervista fuq Radio 101, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tkellem dwar kif għandu jiġġieled il-prekarjat meta dan qed jgħolli rasu waqt li qed tikber l-ekonomija. Meta kien intervistat fil-programm Newsdesk Delia tkellem dwar ir-realtà ta’ ħaddiem li jaħdem 70 siegħa f’ġimgħa biex idawwar €1000 f’xahar.

Adrian Delia qal li jrid li l-ħaddiem jgħix ħajja diċenti li jitħallas b’mod xieraq u li fl-istess ħin igawdi l-familja.

Il-kwistjoni tad-dinjità tal-ħaddiema abbinaha ukoll fil-qasam tal-edukazzjoni meta l-Gvern qed jibqa jonqos milli jikkonsulta. Innota kif huwa allarmanti li 18% tal-għalliema biss jagħżlu li jkomplu jgħallmu jekk ikunu offruti opportunità ġdida ta’ xogħol.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem mal-għalliema u l-unjins fuq sett ta’ proposti biex jindirzza dan u jagħti lura d-dinjità lis-settur edukattiv.

Fuq nota differenti, tkellem dwar kif il-Prim Ministru Joseph Muscat dawwar id-diska fuq il-preżenza ta’ barranin jgħixu f’Malta, min evalwazzjoni ta’ pushback għall-ħtieġa tagħhom li jkunu fostna jaħdmu ċertu xogħol b’pagi nferjuri. Dan minflok tingħata d-dinjità lill-ħaddiem Malti li jingħata ħlas xieraq ta’ xogħlu.

Dwar l-abort, il-Kap tal-Oppożizzjoni akkuża lill-Gvern li qed jirrendi lill-umani bħala prodott li wieħed jista’ jixtri, jikri jew saħansitra joqtol sa mill-konċepiment.

Fuq suġġett separat, il-Kap tal-PN appella lill-Gvern biex jitkellem b’kawtela fuq il-linja nazzjonali tal-ajru u anki fil-projezzjonijiet tiegħu għaliha.