Għawdex Lokali

Jitkompla l-proġett li inbeda 7 snin ilu

Possibilta' li l-mina tkun min-Nadur lejn il-Mannikata

L-istudji dwar il-mina bejn Malta u Għawdex illi bdew oriġinarjament seba’ snin ilu, issa waslu fi stat avvanzat, tant li bdew studji oħra biex jiġu identifikati l-postijiet fejn se jiġi l-ħruġ u d-dħul tal-mina.

Dan ġie spjegat mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg f’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-espert Norveġiż ikkummissjonat minn Transport Malta Prof Eivind Grov.

Kollox jindika li l-mina minn Għawdex se tkun twila madwar 13-il kilometru b’section ta’ 70 metru kwadru. B’korsija fuq kull naħa u korsija oħra għall-emerġenza, jidher li din il-mina se tkun tiflaħ 6,500 vettura kuljum lejn iż-żewġ direzzjonijiet.

Il-Prof. Grov qiegħed jgħin fid-disinn tal-kunċett li jinkludi disinn tal-karreġġjati, ventilazzjoni, sistemi ta’ illuminazzjoni, sinjali, miżuri ta’ sigurtà, u passaġġi għas-servizzi.

Il-ministru qal li diġà saru bosta studji, u minnhom inġabret data estensiva mill-wiċċ f’kuritur wiesa’ 500 metru matul ir-rotta preferuta, inkluż LIDAR, mappa tal-ġeoloġija, mappa tal-faults fil-blat, fluid seepage survey u interpretazzjoni ġeoloġika, data dwar il-fond tal-baħar bejn it-tliet gżejjer, data dwar il-blat taħt l-art permezz ta’ survey siżmiku miġbur fil-post, u r-riżultati tal-coring investigattiv b’fond ta’ bejn 150 metru u 275 metru f’Malta u Għawdex u fil-baħar lejn Kemmuna.

Fin-naħa ta’ Għawdex jidher li se jsir użu minn art li hija diġà mittiefsa fin-Nadur, filwaqt li fin-naħa ta’ Malta qegħdin jiġu kkunsidrati l-inħawi ta’ bejn il-Manikata u l-Imbordin. Il-Ministru Borg fakkar li madankollu, għadhom għaddejjin l-istudji fuq dan l-aspett, u r-riżultati ta’ dawn l-istudji għadhom mhux konklużi.