Internazzjonali Kurżitajiet

L-informazzjoni privata tiegħek ta’ Facebook għaddiet għand Cambridge Analytica? Iċċekja

Jekk xi ħadd mill-ħbieb tiegħek ta' Facebook għandu din l-app, l-informazzjoni tiegħek jista' jkun li nsterqet

Facebook bagħat avviż lil kull persuna li l-informazzjoni privata tiegħu jew tagħha għaddiet għand il-kumpanija Cambridge Analytica, u li ntużat b’mod abbużiv minn din il-kumpanija għal skopijiet ta’ qliegħ finanzjarju. Bħalissa Facebook għaddej minn skandlu internazzjonali hekk kif l-informazzjoni ta’ madwar 87 miljun persuna intużaw illegalment minn kumpanija li tagħti konsulenzi politiċi.

Din l-informazzjoni tiegħek tvarja f’numru ta’ affarijiet – minn il-post fejn tkun, ma’ min titkellem, il-gosti li jogħġbuk, sa kull kontenut li titfa’ Facebook.

Jekk wieħed mill-lista ta’ friends fuq Facebook tiegħek kien qed juża l-app bl-isem ta’ “thisisyourdigitallife” – l-informazzjoni privata tiegħek għaddiet għand Cambridge Analytica. Iżda kif tista’ tkun taf jekk l-informazzjoni ġietx misruqa?

Dan l-avviż fuq in-Newsfeed ta’ Facebook, li l-informazzjoni tiegħek għaddiet għand Cambridge Analytica, jitla’ darba biss u jekk m’intix ċert jekk rajtx dan l-avviż hemm mod sempliċi kif wieħed jista’ jsir jaf jekk l-informazzjoni privata ġietx illikjata.

L-avviż li jitla’ darba biss fuq Facebook

Pero jekk m’intix ċert jekk dan l-avviż telagħlekx fuq in-Newsfeed, xorta waħda tista’ tiċċekja jekk l-informazzjoni tiegħek għadditx illegalment.

Kull ma trid tagħmel biex tiċċekja hu li ssegwi dawn it-tliet struzzjonijiet:

  1. Fis-Search jew Settings ta’ Facebook, idħol fil-Help Centre
  2. Fil-Help Centre, fejn għandek ‘Hi, how can we help?’ – fittex “Cambridge”
  3. Idħol fl-ewwel preferenza li tgħid ‘How can I tell if my information was shared with Cambridge Analytica?’

Segwi din it-tabella li turi t-tliet struzzjonijiet:

Facebook bħalissa qed jaħdem biex timplimenta numru ta’ tibdiliet fis-sistema biex tipprevjeni mill-apps oħra ta’ Facebook li jerġa’ jkollhom aċċess għal informazzjoni u data fil-futur.

Intant is-CEO u fundatur ta’ Facebook Mark Zuckerberg, ilbieraħ ġie mistoqsi numru ta’ domandi mis-Senaturi tal-Istati Uniti dwar il-kumpanija tiegħu u l-ġlieda kostanti ma’ operaturi Russi li qegħdin jippruvaw jabbużaw mill-media soċjali.

Mark Zuckerberg kellu jirrispondi għal domandi dwar dan l-istess skandlu ta’ Cambridge Analytica. Waqt dawn ir-risposti u żvela li l-konsulent speċjali li qed jinvestiga l-indħil Russu fl-elezzjoni tal-2016, Robert Mueller, investiga l-istaff ta’ Facebook.

Madanakollu fl-intervista, Zuckerberg qal li ma jrid jiżvela xejn li hu kunfidenzjali fl-investigazzjoni mill-istat.

Zuckerberg qal li hu ċar li m’għamlux biżejjed biex jipprevjenu l-abbużi ta’ fake news, indħil barrani fl-elezzjonijiet, diskors ta’ mibgħeda, u kif ukoll privatezza ta’ data u informazzjoni. Tenna li huma ma fehmux il-kobor tar-responsabilita’ li huma jġorru, u dak kien żball kbir – u żied li hu żball tiegħu u li jiddispjaċih.

Muntaġġ: Maria Grech