Simon Busuttil u Jason Azzopardi se jappellaw mir-ruling tal-Ispeaker
L-Ispeaker Anġlu Farrugia reġa’ imblokka mistoqsijiet parlamentari tad-deputati Nazzjonalisti Simon Busuttil u Jason Azopardi li staqsew lill-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri u ċ-Chairman tal-Bank Pilatus Ali Sadr u jekk Muscat u Schembri kinux mistiedna t-tieġ ta’ Ali Sadr.
Din id-dikjarazzjoni tal-Ispeaker ingħatat wara li d-deputati Nazzjonalisti Simon Busuttil u Jason Azzopardi ressqu talba għal ruling wara li mistoqsija dwar jekk il-Prim Ministru u Keith Schembri attendewx għat-tieġ taċ-Chairman tal-Bank Pilatus ma tħallietx tkun imwieġba mill-Prim Ministru.
L-Ispeaker qal li l-mistoqsjiet imorru kontra l-ordnijiet permenanenti tal-Kamra għaliex il-mistoqsijiet isiru dwar l-operat uffiċjali u mhux dwar l-operat mhux uffiċjali tal-ministri. Hu rrifera wkoll għall-ordnijiet permanenti tal-House of Commons fejn l-Ispeaker hu l-aħħar awtorità dwar mistoqsijiet li jkunu aċċettati. Jirriżulta li lanqas jista’ jsir dibattitu fil-parlament jew jitqajjem point of order fuq id-deċiżjoni tal-Ispeaker. Minkejja dan, id-deputati Nazzjonalisti xorta ħassew li kellhom jiddibattu d-deċiżjoni tal-Ispeaker.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia qara parir legali li fih intqal li l-preżenza ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri fit-tieġ ta’ Sadr mhux affarijiet pubbliċi li dwarhom jistgħu isiru mistoqsijiet parlamentari.
Id-deputati Nazzjonalisti Simon Busuttil u Jason Azzopardi qalu li kienu se jappellaw minn dan ir-ruling.
//= $special ?>