Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

MEPs minn gruppi politiċi differenti jappoġġjaw il-pożizzjoni ta’ Casa dwar l-ISLAPP

Membri tal-Parlament Ewropew mill-gruppi politiċi kollha fil-Parlament Ewropew qed jappoġġjaw il-pożizzjoni li ħa l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa fil-pressjoni li qed issir fuq il-Kummissjoni Ewropea biex tintroduċi direttiva Ewropea li tiproteġi lill-ġurnalisti kontra l-prattiċi abbużivi magħrufa bħala SLAPP.

Wara li lbieraħ, David Casa bagħat ittra lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans, li fiha nfurmah bil-pożizzjoni li ħa l-Gvern Malti kontra l-emenda tal-Oppożizzjoni biex il-ġurnalisti jkunu protetti kontra l-prattiċi tal-ISLAPP, kif ukoll għamillu pressjoni biex il-Kummissjoni Ewropea tintroduċi direttiva Ewropea sax-xahar li ġej, ħames MEPs oħra appoġġjaw din il-pożizzjoni, u bagħtu huma wkoll ittra lill-Kummissjoni Ewropea biex jappoġġjaw dak li qal David Casa.

L-MEPs – Ana Gomes mis-Soċjalisti, Monica Macovei mill-Konservattivi, Maite Pagazaurtundua mill-Liberali, Stelios Kouloglou mill-Komunisti, u Benedek Javor mill-Ħodor – fakkru lill-Kummissjoni Ewropea li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qabel inqatlet f’Ottubru li għadda, kienet ġiet mhedda permezz ta’ dawn il-prattiċi bil-kompliċità tal-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru Owen Bonnici.

Ix-xahar li għadda, waqt li kien qed jindirizza l-MEPs fi Strasburgu, Frans Timmermans qal li l-Kummissjoni Ewropea qed tevalwa l-proposti li sarulha dwar possibilità ta’ direttiva kontra l-ISLAPP.

L-ittra li l-MEPs minn gruppi politiċi differenti bagħtu lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea

Ara aktar:

Liġi Ewropea kontra l-ISLAPP issa saret aktar urġenti – David Casa