Lokali

Raġel arrestat wara li nqabad jisraq minn residenza fil-Mosta

Raġel inqabad fil-fatt iwettaq serqa minn residenza vakanti fil-Mosta.

Il-każ seħħ għall-ħabta tat-03.15hrs tas-sigħat bikrin ta’ dalgħodu hekk kif il-Pulizija ġew infurmati li fi Triq Sant’ Anton Abbati,  kien hemm persuna li allegatament kien qed jisgassa residenza.

Fuq il-post marru minnufih uffiċjali tal-Pulizija mill-Għassa tal-Mosta, flimkien ma’ dawk tar-Rapid Intervention Unit, fejn sabu bieb ta’ residenza miftuħ u lemħu raġel fuq il-bejt tal-istess post.

Ġewwa r-residenza li f’dak il-ħin kienet vojta, ġie nnutat taqlib, kif ukoll bieb ta’ gallarija sgassat. Ir-raġel li ntlemaħ fuq il-bejt ġie arrestat fuq il-post mill-Pulizija u fuqu nstabu diversi oġġetti relatati mas-serq, bħal turnaviti u ingwanti fost l-oħrajn.

Filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, l-allegat ħalliel mistenni jitressaq il-Qorti għada.