Il-Knisja Parrokkjali l-ġdida ta’ San Ġiljan is-Sibt li għadda għalqet 50 sena minn meta infetħet għall-ewwel darba u tqaddset l-ewwel quddiesa mill-Kappillan ta’ dak iz-zmien, Mons Gwann Galea.
Il-popolazzjoni ta’ San Ġiljan bdiet tiżdied fis-snin 60 u n-nies bdew jitferxu lejn in-naħa tal-Kalkara tal-Ġir u lejn Paceville. Din ħolqot problema ta’ mobbiltà biex il-parruċċani jitilgħu lejn il-Knisja l-Qadima. B’hekk fl-1961 intgħażel il-post eżistenti, li huwa ċentrali għal min jgħix fiż-żewġ xaqlibiet tal-Pjazza, biex f’6 snin tlestiet biex tinfetaħ bħalma spjega l-istess Monsinjur:
“Kien propju fis-7 t’April tal-1968, nhar Ħadd il-Palm, li bdejna niffunzjaw għall-ewwel darba fil-Knisja l-ġdida. Niftakar kont ili sentejn diġà Kappillan hawnhekk u kienet okkażjoni sabiħa għax kienu propju l-parruċċani Ġiljaniżi li kellhom din il-ħolma li tinbena din il-knisja. Huma kienu in-nies li tħabtu għaliha, ikkontribwew il-flus u offrew il-ħin tagħhom għaliex kien sar ħafna xogħol ta’ volontarjat. Meta wasalna biex niftħu din il-Knisja, in-nies kienu ferħanin u kuntenti li issa x-xewqa tagħhom ġiet mitmuma.”
Lejlet dan l-anniversarju, saret quddiesa ta’ radd il-ħajr mill-Eks Kappillan Ġiljaniż flimkien mal-kleru tal-Parroċċa. Animaw il-quddiesa l-Grupp Korali San Ġiljan, immexxi minn Piju Dalli, liema kor intona t-Te Deum fi tmiemha.
L-attivitajiet b’rabta ma’ dan l-anniversarju jissuktaw f’Awwissu li ġej, kif spjegalna l-Kappillan Dun Claude Portelli:
“Fil-ġimgħa tal-festa se jkollna ċelebrazzjoni fejn se nistednu lil dawk li tgħammdu u żżewġġu hawnhekk fis-sena li nfetħet din il-Knisja Parrokkjali. Din is-sena qed niċċelebraw ukoll il-125 Sena mill-Wasla tal-Vara Titulari ta’ San Ġiljan Ospitalier, xogħol fil-kartapesta tas-Senglean Karlu Darmanin, u bħalissa għaddej restawr estensiv u konservazzjoni fuq il-vara u l-pedestall mill-kumpanija Atelier del Restauro, li jekk Alla jrid ikun lest għal Awwissu.”
L-inawgurazzjoni tar-restawr tal-Vara se jsir fil-Knisja ta’ Lapsi fit-13 t’Awwissu, jum l-anniversarju mill-wasla tagħha fil-Parroċċa. Il-ħidma fil-Parroċċa Ġiljaniża għaddejja qatiegħ b’rabta mal-proġett taċ-Ċentru Parrokkjali u z-zuntier ġdid li tant jixirqu lil din il-Knisja Parrokkjali. Għalkemm il-kostruzzjoni hija lesta, il-proġett kollu mistenni jitlesta sa Settembru li ġej.
//= $special ?>