Internazzjonali

Skandlu minħabba bejgħ ta’ passaporti

Żewġ eks-Presidenti tal-Gżejjer Comoro huma suspettati li żammew għalihom miljuni ta’ ewro minn skema ta’ bejgħ tal-passaporti tal-pajjiż bi skambju għal investiment f’dan in-nazzjon fl-Oċean Indjan.

Skont inkjesta parlamentari, l-eks-Presidenti Ahmed Abdallah Sambi u Ikililou Dhoinine kienu akkużati bi frodi sistematika u ntalbet li jittieħdu passi kriminali kontrihom. L-iskandlu jmur lura għall-2008, meta l-Comoros taw bidu għal programm ta’ bejgħ tal-passaporti bil-kooperazzjoni tal-Emirati Għarab Maqgħuda u l-Kuwajt. Dan biex tingħata ċittadinanza lil individwi bla stat mir-reġjun tal-Golf, magħrufa bidoons jew Bedwini.

Bi tpattija, il-Comoros – fost l-ifqar pajjiżi fid-dinja – kellhom jingħataw investiment mill-pajjiżi tal-Golf. Suppost, 4,000 familja Bedwina kellhom jingħataw iċ-ċittadinanza bi tpattija għal 163 miljun ewro, li kellhom jintużaw għal proġetti fil-pajjiż. Imma tul is-snin inħarġu 48,000 passaport, biss ftit minn dawn marru għand il-familji Bedwini.

L-inkjesta sabet li filwaqt li suppost l-iskema kellha ddaħħal ħafna flus fil-kaxxa tal-pajjiż, ftit minn dawn qatt waslu fejn suppost u hu stmat li mas-784 miljun ewro qatt ma daħlu fil-kaxxa tal-pajjiż.
AKTAR F’IN-NAZZJON TA’ GĦADA