Futbol Sport

Titnieda t-tmien edizzjoni tal-Goalkeeper Battle

(Ritratt: Timo Turpeinen)

Is-Sibt 2 ta’ Ġunju se tkun organizzata t-tmien edizzjoni tat-Teamsport Goalkeeper Battle. Dettalji ingħataw mill-organizzaturi, l-eksgowlkiper internazzjonali Malti, Mario Muscat, l-eksgowlkiper Simon Grech kif ukoll Mario Bonello li hu l-fundatur tal-fondazzjoni Zemzem.

L-edizzjoni ta’ din is-sena se ssir fil-Luxol Stadium fejn ser ikun hemm tmien kategoriji li jvarjaw minn gowlkipers taħt id-disa’ snin sal-kategorija tal-kbar.

Din is-sena se jerga’ jkun hemm kategorija għall-gowlkipers nisa kif ukoll inizjattiva ġdida li żewġ gowlkipers f’kull kategorija u li huma fost ir-refuġjati li jinsabu f’pajjiżna jistgħu japplikaw biex jieħdu sehem.

L-organizzaturi spjegaw kif din il-kompetizzjoni hi opportunità għall-gowlkipers kollha minn disa’ snin ’il fuq biex itejbu l-ħiliet tagħhom u jieħdu gost waqt li jilagħbu l-isport favorit tagħhom.

Dan għandu jservi wkoll bħala ħarġa għall-parteċipanti kollha biex jistabilixxu lilhom infushom fil-kampjonati nazzjonali ta’ Malta kif ukoll f’kampjonati barranin.

Madwar 200 gowlkeeper ħadu sehem f’kull edizzjoni tal-Goalkeeper Battle fis-snin li għaddew, u din is-sena in-numru mistenni jkun l-istess.

Għal din l-edizzjoni, bħal m’għamlu fl-aħħar edizzjonijiet, l-organizzaturi se jkunu qed jgħinu lill-Fondazzjoni Żemżem, li hi organizzazzjoni volontarja reġistrata biex tgħin lit-tfal u adulti li qed jingħataw trattament għall-marda tal-lewkemija.

L-organizzaturi ħeġġew lil dawk kollha li jixtiequ jieħdu sehem f’din l-edizzjoni biex jiġbru l-applikazzjonijiet tagħhom mill-klabbs u n-nurseries kollha ta’ Malta, kif ukoll minn Teamsport fl-Iklin, minn Di Milano ta’ Raħal Ġdid u mil-Luxol Stadium.