Stħarriġ ikkummissjonat mill-Arċidjoċesi ta’ Malta juri li 92% tal-Maltin huma Kattoliċi, li minnhom 74% jgħidu li jmorru l-quddies minn tal-anqas darba fix-xahar. Ir-riċerka turi wkoll li 40% jattendu l-quddies kull nhar ta’ Ħadd.
Dan kien ikkonfermat miċ-ċensiment li sar bejn it-2 u t-3 ta’ Diċembru li għadda, li wera li l-attendenza għall-quddies kienet ta’ 38%.
Din ir-riċerka saret għall-ewwel darba b’metodi differenti bil-għan li l-Knisja jkollha stampa wiesgħa u fattwali tas-soċjetà biex tippjana u taqdi b’mod aktar effettiv il-ħidma pastorali tagħha fis-snin li ġejjin.
Iċ-ċensiment sar f’total ta’ 987 quddies li jsiru f’Malta kull nhar ta’ Sibt u Ħadd, f’329 postijiet bejn knejjes, kappelli u postijiet oħra ta’ talb. L-attendenza kienet ta’ kważi 122,000, jiġifieri 38%, li jfisser medja ta’ 123 persuna għal kull quddiesa.
Iċ-ċensiment ma jinkludix l-attendenza ta’ dawk l-imgħammdin li għandhom inqas minn seba’ snin u ta’ dawk li minħabba mard jew kura fl-isptarijiet ma jistgħux imorru l-Knisja.
Dan l-istħarriġ kien intenzjonat ukoll sabiex il-Knisja tisma’ lil kulħadd inkluż lil dawk li ma jmorrux quddies. Fost dawk li ma jattendux il-quddies kien hemm min qal li ma jaqbilx mat-tagħlim tal-Knisja jew li ma jsibx ħin biex jattendi l-quddies. Fost dawk li qalu li huma Kattoliċi, 75% qalu li jitolbu kuljum, 17% jitolbu b’mod regolari u 8% ma jitolbux.
Ir-riżultati finali ta’ din ir-riċerka ser jiġu analizzati minn kumitat pastorali bil-għajnuna ta’ esperti, li ser jitwaqqaf mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Dan il-kumitat, flimkien mal-kappillani tas-70 parroċċa f’Malta, ser jissuġġerixxi l-bidliet li hemm bżonn fid-dawl tal-pjan pastorali li qed jitħejja, u jagħraf l-opportunitajiet li jeżistu biex il-Knisja xxandar it-tagħlim tagħha
//= $special ?>