Lokali Saħħa

Eks Deputat Mexxej Laburista jikritika l-mossa ta’ Muscat dwar l-IVF

Wara li l-Gvern ressaq fil-Parlament emendi biex idaħħal l-iffriżar tal-embrijuni, l-eks Ministru George Vella ħareġ qatta’ bla ħabel kontra l-partit tiegħu stess. Fuq Twitter, George Vella qal l-mossa tal-Gvern huma mneżżgħin minn kull etika, il-morali u d-dinjita’ umana.

L-eks Deputy Leader laburista uża l-kelma “travesty” – parodija.

Ftit wara George Vella poġġa’ messaġġ ieħor fuq Twitter. Hu kiteb “kellna bżonn naslu s’hawn u niżżersqu ‘l isfel biex nilħqu l-wiegħda utopika tal-ugwaljanza?”

Aktar kmieni

Dwar l-iffriżar tal-embrijuni, is-sistema tal-IVF bħalissa ma tippermettix li jkun hemm iffriżar tal-embrijuni. Imma bit-tibdil li jrid idaħħal il-Gvern, l-iffriżar tal-embrijuni se jibda jkun possibbli fil-proċess tal-IVF.

U minkejja li l-Gvern m’għandu l-ebda mandat elettorali li jagħmel dan, il-Ministru Fearne ħabbar li l-Gvern se jkun qed jagħmel konsultazzjoni biex jara jekk għandux jintroduċi is-surrogacy – jiġifieri meta l-embrijun jitpoġġa f’ġuf ta’ mara oħra peress li l-omm ma tkunx tista’ ġġorrha hi.

Id-diskussjoni fil-Parlament dwar l-emendi li bihom il-Gvern irid idaħħal l-iffriżar tal-embrijuni mistennija tibda l-ġimgħa d-dieħla.