L-ewwel legs tal-kwarti tal-finali tal-Europa League raw lit-timijiet li lagħbu f’darhom kollha joħorġu rebbieħa u għalhekk jibdew favoriti biex jaċċertaw mill-kwalifikazzjoni barra minn darhom.
Arsenal huma l-aktar tim li għandu vantaġġ tajjeb wara li fl-Emirates Stadium kienu rebħu 4-1 kontra r-Russi ta’ CSKA Moscow. L-eroj f’dik il-ġurnata kienu Aaron Ramsey u Alexandre Lacazette.
Minħabba l-istaġun diżappuntanti li kellhom Arsenal sa issa, l-uniku ċans biex jirbħu unur hi din il-kompetizzjoni, u jekk jirnexxielhom jaslu sal-aħħar jiġi ċċarat aktar il-futur tal-manager Arsene Wenger.
Lazio wkoll kisbu rebħa tajba ta’ 4-2 fuq Red Bull Salzburg fi Stadio Olimpico f’logħba li kienet missielta. Iż-żewġ gowls fi ftit ħin fl-aħħar kwarta taw vantaġġ li bihom it-tim ta’ Simone Inzaghi jista’ jamministra l-logħba.
Il-Ġermaniżi Leipzig se jkunu qed imorru fi Franza b’vantaġġ minimu wara li permezz ta’ Timo Werner, fl-ewwel leg f’darhom kienu għelbu lil Olympique Marseille 1-0.
Sitwazzjoni ftit aħjar għal Atletico Madrid li rebħu fil-Wanda Metropolitana 2-0 b’gowls minn Koke u Antoine Griezmann. It-tim ta’ Simeone qed jimmira li jirbaħ il-kompetizzjoni u għalhekk se jkunu qed ifittxu gowl fil-Portugall biex iserrħu aktar rashom, anki minħabba li għandhom difiża soda.
Europa League
Logħob għal-lum
CSKA Moscow v Arsenal
O. Marseille v Leipzig
RB Salzburg v Lazio
Sporting v A. Madrid