Lokali

FILMAT: Adrian Delia man-nies fin-Naxxar: Ikellmuh dwar affarijiet li jolqtuhom fil-ħajja ta’ kuljum

Adrian Delia kien akkumpanjat minn numru kbir ta’ Deputati, kandidati, kunsilliera lokali u membri tal-Kumitat Sezzjonali tan-Naxxar meta fin-Naxxar dar minn ħanut għall-ieħor u iltaqa’ man-nies li kien hemm.

Minn ħwienet tal-laħam, għal ħwienet tal-merċa u tal-kafè, għal ħwienet b’negozji oħra u każini tal-lokal – fosthom il-każin tal-futbol u l-każin tas-Soċjetà Mużikali Peace, il-Kap tal-PN Adrian Delia kompla biż-żjarat tiegħu fil-lokalitajiet. Din id-darba fin-Naxxar.

Ma setax jonqos li fit-toroq ta’ madwar il-Knisja Parrokkjali ddedikata lil Maria Bambina, jiltaqa’ wkoll ma’ nies li kienu jew bilqegħda fuq il-bankijiet tal-pjazza jew mexjin biex jagħmlu l-qadi tagħhom. Fost dawn kienu hemm grupp ta’ persuni li nzertaw ħerġin mill-quddiesa, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jaqsam it-triq biex jiltaqa’ magħhom.

Lejn l-aħħar taż-żjara, Adrian Delia żar ukoll xogħlijiet ta’ rinovazzjoni li qed isiru fil-każin tal-Partit Nazzjonalista tan-Naxxar.

Tul iż-żjara kollha, dawk li ltaqgħu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tkellmu miegħu dwar affarijiet li jolqtuhom fil-ħajja ta’ kuljum; bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jwiegħdhom l-impenn tiegħu li jkun il-vuċi tagħhom fl-aktar affarijiet li jagħmlu differenza fil-ħajja tagħhom.

Għaż-żjara fin-Naxxar, Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius; mill-MEP Francis Zammit Dimech; mid-Deputati Claudette Buttigieg, Robert Cutajar, Maria Deguara, Herman Schiavone, mill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista Maryanne Cuomo u Graziella Galea; mis-Sindku tan-Naxxar Ann Marie Muscat Fenech Adami u mill-membri tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista fin-Naxxar Salvu Sciberras u Joe Spiteri.