Futbol Sport

Futbol: Il-UEFA b’żewġ akkużi fil-konfront ta’ Pep Guardiola

Il-UEFA akkużat il-manager ta’ Manchester City Pep Guardiola b’żewġ offiżi dixxiplinarji wara li ntbgħat fl-istands fit-telfa li t-tim tiegħu kellu kontra Liverpool it-Tlieta. Liverpool ukoll mistennija jkunu kkastigati wara li partitarji tagħhom tefgħu oġġetti kif ukoll qabdu logħob tan-nar.

L-ewwel akkuża ta’ Guardiola hi minħabba l-protesti wara d-deċiżjoni biex jitħassar il-gowl ta’ Leroy Sane għal offside lejn tmiem l-ewwel taqsima. It-tieni akkuża hi minħabba li kkomunika mal-bankina tat-tim wara li tkeċċa. Taħt artiklu 69 tar-regolamenti tal-UEFA, din kienet tkun projbita.

Guardiola daħal fil-pitch fi tmiem l-ewwel taqsima biex jesprimi d-diżappunt tiegħu għad-deċiżjoni ta’ Mateu Lahoz li jħassar il-gowl li kien jagħmel l-iskor 2-0 favur Manchester City, protesti li wasslu biex tkeċċu mill-area teknika.

Hu kien sfurzat jara t-tieni taqsima mill-istands, bit-tim tiegħu jkun eliminat miċ-Champions League fil-kwarti tal-finali għat-tieni sena konsekuttiva. Il-każ se jiġi diskuss fil-31 ta’ Mejju mill-Bord tal-Kontroll, Etika u Dixxiplina tal-UEFA.