Minkejja li sar ħafna biex tissaħħaħ is-sigurtà fl-Ewropa, għad fadal ħafna xi jsir u l-Partit Popolari Ewropew hu kommess li tkompli tissaħħaħ is-sigurtà, inkluż f’dak li għandu x’jaqsam mal-immigrazzjoni.
Iddikjara dan Manfred Weber, chairman tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew li f’dawn il-jiem qed jiltaqa’ f’Lyon, fi Franza.
Fuq l-aġenda tal-laqgħat hemm l-immigrazzjoni u s-sigurtà bħala priorità fl-Unjoni Ewropea, b’diversi kelliema fosthom vittmi tat-terroriżmu u attivisti.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet matul il-ġurnata, Weber enfasizza l-bżonn tal-għaqda fl-Unjoni Ewropea biex tkun garantita s-sigurtà.
Weber qal li l-PPE jrid mal-10,000 uffiċjal ġdid tal-Frontex biex jintbagħtu fil-postijiet fejn il-kriminali jmexxu t-traffikar uman. Din hi kwistjoni li taffettwa wkoll lil Malta hekk kif hu fatt magħruf li din l-attività kriminali ssir ukoll qrib tagħna, fl-Afrika ta’ fuq.
Min-naħa tiegħu l-President tal-PPE Joseph Daul qal li l-problemi fl-Unjoni Ewropea mhux faċli jiġu riżolti imma dwar dan għaddejja ħidma u diskussjoni aperta bħala familja.
Semma’ kif il-PPE aċċetta fi ħdanu numru ta’ partiti politiċi mill-Afrika, bħall-Marokk, it-Tuneżija u l-Libja, bħala osservaturi biex jagħraf jindirizza l-problema tal-immigrazzjoni mill-Afrika ta’ Fuq.
Daul qal li l-isfida tal-immigrazzjoni mill-Afrika lejn l-Ewropa hi kruċjali għall-Partit Popolari Ewropew u jrid li din tiġi indirizzata.
//= $special ?>