Futbol Sport

IL-KONTROVERSJA TAL-BERNABEU: Kien penalty jew le?

Il-mument li ddeċieda l-Kwarti Finali fil-Bernabeu
Analisti u partitarji ma jaqblux bejniethom dwar id-deċiżjoni kontroversjali ta' Michael Oliver

Wara sigħat twal ta’ kontroversja u dibattiti dwar il-penalty li ingħataw Real Madrid kontra Juventus, xorta donnu li m’hemmx konklużjoni ċara. Ħadd, inkluż fost l-esperti, għadu ma jista’ jasal għal konklużjoni jekk it-tackle fuq Vasquez kienx penalty jew le.

Għalhekk ħsibna li matul il-ġurnata nitkellmu ma’ diversi appasjonati tal-futbol f’pajjiżna u naraw ftit jekk naslux għal xi forma ta’ konklużjoni fuq dan id-dibattitu jaħraq fost id-dilettanti kollha li jsegwu ċ-Champions League.

Dawn huma r-reazzjonijiet li ħa s-sit tagħna:

Philip Bianco – Real Madrid Supporters Club Malta
“Iva kien penalty ċar. Vasquez kien waħdu f’mument kruċjali u Benatia tah spinta min wara, u dik qatt m’għandek tagħmilha fil-kaxxa”.

Charles Camenzuli – ġurnalist sportiv
“Ġieli kien hemm okkażjonijiet f’partiti simili meta ġara l-istess, u t-tim konċernat ma kienx penalizzat. Trid tara wkoll il-ħin meta ingħata l-penalty”.

Joe Giglio – avukat
“Kien tackle daqxejn goff imma f’dak il-mument tal-logħba, ġaladarba kien probabbilment penalty aktar milli definitivament penalty, ma kontx, kieku kont ir-referee, nsaffar penalty. Għax jekk minħabba dik it-tackle goffa se tagħti penalty allura trid tagħti karta safra lil Ronaldo li fi tlett okkazzjonijiet waqa fil-kaxxa u prova jissimula penalty. F’dawn l-okkażjonijiet ir-referee sempliċiment għamillu sinjal biex iqum. Apparti minn hekk, hu nħakem ftit mis-sudditanza tal-grawnd fil-fehma tiegħi ghax ta karta safra lil pleyers Juventini bosta drabi filwaqt li fouls tar-Real ġew sempliciment msaffra bħala fouls mingħajr ma ħa passi dixxiplinarji oħra. Il-karta l-ħamra lil Buffon hi ċ-ċirasa li turi l-inkompetenza tiegħu f’sitwazzjonijiet daqshekk importanti”.

Chris Cassar – ġurnalist sportiv
“Kien penalty, għax kienet daħla minn wara. U ċans ovju ta’ gowl. Kien hemm kuntatt fil-kaxxa. Il-ħin li fih sar il-foul ma jiddeterminax jekk ir-refree kellux itih jew le. Anzi, ir-referee missu keċċa lil Benatia”.

Simon Busuttil – Membru Parlamentari u partitarju ta’ Juventus
“Iva, naħseb li kien penalty imma la darba kien hemm dubju, f’logħba daqstant delikata, ir-referee messu ħalla l-logħba tmur għall-extra time u ċertament ma kellu qatt ikeċċi lil Buffon għax kien qisu qed jistieden lil Ronaldo jiskorja f’lasta vojta”.

Silvio Schembri – Membru Parlamentari u partitarju ta’ Juventus
“Xi tip ta’ kuntatt fil-kaxxa kien hemm. Jien iktar dejqitni t-tkeċċija ta’ Buffon. Naħseb dik kienet inġusta. U dwar il-penalty…diskutibbli”.

Matthew Mamo – Juventus Club Cuore Bianconero Malta
“Numru ta’ referees irtirati u esperti tar-refeering iddikjaraw li ma kienx penalty, inkluż dawk fi Spanja. Madankollu xorta waħda għad hemm diskussjoni kbira. Personalment nemmen li ladarba hemm dubji kbar, m’għandu qatt jingħata penalty simili fis-97 minuta. Fl-ewwel leg Juventus kellhom penalty ferm iktar ċar fuq Cuadrado li ma ngħatax. Li kieku dan il-penalty ma ngħatax jaf kienet tkun storja oħra anke fid-dawl li Juventus kien fadlilhom żewġ sostituzzjonijiet”.

Joe Shields – Segretarju Juventus Club Vero Amore Malta
“Id-deċiżjoni kienet kiefra ħafna. Ma kienx penalty. ma kien hemm ebda foul, u nemmen li r-refereee seta’ evita kontroversja. Kien hemm ukoll pressjoni kbira mill-partitarji Spanjoli”.

Joe Francalanza – partitarju ta’ Roma
“Kuntatt kien hemm, imma jekk kien penalty kien dubjuż. Ma kienx ċar, u mhux ċert kemm kien intenzjonat. Issa jien qed nitkellem fuq tim rivali. Imma xorta nemmen li saret inġustizzja, u jiddispjaċini għal Buffon. Forsi d-deċiżjoni kienet b’dak il-mod għax tim Spanjol?”

Francesca Wirth – spiżjara
“Ma kellux isaffar penalty f’dak il-ħin żgur. Il-foul ma kienx ċar lanqas. U żgur li ma kelliex tkun karta ħamra għal Buffon”.

Matthew Bonett – uffiċjal impjegat fil-Parlament Ewropew
“Fil-futbol, ikun hemm ħafna drabi fejn ir-referee jrid jieħu deċiżjonijiet diffiċli – qatt u ħadd ma jrid ikun fiż-żarbun tar-referee f’dawk il-mumenti. Pero’ illum teżisti t-teknoloġija li tista’ tgħin ħafna lir-referee. Din is-sena, l-VAR irranġat għexieren ta’ deċiżjonijiet żbaljati tar-referees fis-Serie A, u għalhekk ma nistax nifhem kif u għalfejn il-UEFA ma tużax din it-tip ta’ teknoloġija. Kieku – fil-każ tal-bieraħ, ir-referee seta’ jinduna li Benatia fl-ebda ħin ma mess lil Vazquez, iżda ħa biss il-ballun. Il-ħin tal-penalty – għax hemm min qed jirrimarka li ma messux tah għax fl-aħħar minuta – hu irrelevanti. Kieku kien penalty, messu tah, kien x’ħin kien. Imma penalty żgur ma kienx.”

Charles Saliba – preżentatur fuq Radio 101 u eks referee
“Kienet deċiżjoni krudili. Imma kien penalty. U ċar ukoll għaliex daħal minn warajh. Anzi, sorpriż kif ma keċċiex lid-difensur ta’ Juventus”.

Joe Grima – partitarju ta’ Liverpool
“Għalija kien penalty. Mir-replay jidher ċar li kien hemm imbuttatura bl-idejn minn wara u xutt mill-ġenb li kompla żbilanċja lill-attakant. Għalija deċizjoni tajba u kuraġġuża mir-referee. Qed nidduskutu dan għax Juventus għamlu logħba kbira u forsi kien ħaqqhom xi ħaġa aħjar, kif ukoll minħabba l-ħin tal-azzjoni. Kienu l-istess azzjoni seħħet f’nofs il-logħba wisq probabbli ma jgħidu xejn”.

Nick Gatt Coleiro – partitarju ta’ Manchester United
“It-tackle tal-bieraħ kien penalty għax għolla saqajh b’mod perikoluż fil-kaxxa. Fil-futbol ma tistax tgħolli saqajk ma’ wiċċ l-avversarju”.

Il-kontroversja anke fil-ġurnali Spanjoli