Miżuri meħuda mill-Gvern riċentament jikkontradixxu passi li saru ‘l quddiem fl-aħħar snin.
“Il-Malti, mhux talli m’għandux jiġi mgħallem bħala lingwa barranija, iżda talli għandu jibda jingħata importanza ikbar fuq il-pjattaformi diġitali. Dawn il-pjattaformi, fosthom apps, għandhom jibdew ikunu attrezzati aktar minn qatt qabel bil-possibiltà li fuqhom jintuża’ l-Malti. Jekk ma nagħmlux hekk, inkunu qed nagħmlu l-lingwa tagħna estinta fuq dawn il-mezzi”. L-MEP tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal dan wara li ressaq numru ta’ emendi fuq rapport li jikkonċerna l-isfidi li jaffaċjaw il-lingwa fl-era diġitali.
Hu innota bi tħassib il-qasma li qed tikber fid-dinja diġitali bejn lingwi li jintużaw ħafna u oħrajn li jintużaw inqas, fosthom il-lingwa Maltija. Francis Zammit Dimech fakkar fil-kontroversja li qamet dan l-aħħar, fejn il-Gvern irid jibda jgħallem il-Malti bħala lingwa barranija. Zammit Dimech innota d-differenza bejn dak li jrid jagħmel Gvern Laburista u dak li kien għamel Gvern Nazzjonalista meta bis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea ġab il-Malti bħala lingwa Ewropea.
Bħala parti mil-ħidma tiegħu fil-Kumitat tal-Edukazzjoni u l-Kultura, Francis Zammit Dimech kellu bosta laqgħat ma’ akkademiċi u dawk konċernati f’dan il-qassam u ressaq numru ta’ proposti fostom biex ikun hemm aktar investiment fir-riċerka, biex tingħata assistenza lill-istituzzjonijiet akkademiċi, biex itejbu id-diġitalizazzjoni tal-lingwa Maltija u biex tingħata importanza lit-teknoloġija relatata mal-lingwi speċjalment fi stati membri żgħar bħal Malta, li għandhom il-lingwa tagħhom.
Francis Zammit Dimech temm jgħid li għandna nipproteġu l-lingwa Maltija għax hija parti mill-identità kulturali tagħna u li l-lingwa Maltija għandha tagħmilna kburin ladarba hi parti kruċjali mill-identità tagħna bħala poplu Malti u Għawdxi.
Ara aktar:
//= $special ?>Il-Malti m’għandux ikun ilsien barrani għall-Maltin stess – il-Partit Nazzjonalista