Internazzjonali

Il-Papa Franġisku jammetti li żbalja fil-każ ta’ abbuż sesswali fiċ-Ċili

Il-Papa Franġisku ammetta li għamel żbalji serji fil-konfront tal-Poplu Ċilen fir-rigward tal-iskandlu ta’ abbuż sesswali, u stieden lill-vittmi ta’ dan l-iskandlu biex imorru Ruma ħalli jitlobhom maħfra. Dan ammettieh fl-ittra mibgħuta lill-poplu Ċilen wara r-rapport li rċieva mingħand l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna u mir-Reverendu Jordi Bertomeu Farnós, uffiċjal tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi.

Fl-ittra ppublikata l-Erbgħa l-Papa sejjaħ lill-isqfijiet taċ-Ċili sabiex jiltaqgħu f’Ruma fil-ġimgħat li ġejjin sabiex f’summit jiddiskutu l-iskandlu li tebba’ r-reputazzjoni kemm tal-Papa u kif ukoll tal-Knisja fiċ-Ċili.

L-iskop ta’ din l-laqgħa se tkun biex tissewwa l-ħsara li saret bl-iskandlu u terġa tkun stabbilita l-ġustizzja.
Fl-ittra il-Papa Franġisku qal li kien in-nuqqas ta’ veritajiet u nuqqas ta’ informazzjoni bilanċjata li wasslitu biex iġġudika ħażin fil-każ ta’ l-Isqof Juan Barros li pproteġa lis-saċerdot Fernando Karadima li kien abbuża. Il-Papa Franġisku kien ddefenda lill-Isqof Barros fiż-żjara tiegħu fiċ-Ċili minkejja d-diversi akkużi mill-vittmi li akkużawh li kien jaf u injora l-abbuż.