Lokali

Il-Pulizija janalizzaw iċ-ċellulari tax-xufier

Koen De Vrieze, wieħed mill-vittmi
Is-sewwieq tax-xarabank tat-turisti għandu 24 sena u hu minn Ħal Qormi

Fis-sigħat li għaddew il-Pulizija li qed tinvestiga t-traġedja tad-double-decker bit-turisti fiż-Żurrieq li seħħet nhar it-Tnejn li għadda, bdiet tistħarreġ ukoll iċ-ċellulari tax-xufier li kien qiegħed isuq il-vettura.

Ix-xufier kien fost il-midruba li ddaħħlu l-Isptar Mater Dei għall-kura u kien l-għada t-Tlieta li hu kien rilaxxat mill-Isptar fejn għadda lejl sħiħ hemmhekk, anki minħabba x-xokk kbir li kellu fuqu.

Mit-Tlieta ’l hawn ix-xufier, li għandu 24 sena u hu minn Ħal Qormi, kien mitkellem fit-tul mill-Pulizija biex jgħin ħalli jkunu stabbiliti l-fatti li jiċċirkondaw din it-traġedja li l-bilanċ tagħha sa issa hu ta’ żewġ persuni mejta, u mill-inqas erbgħa oħra, fosthom żewġt itfal, għadhom jissieltu għal ħajjithom fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei.

Filwaqt li l-Pulizija qed tissokta bl-indaġni tagħha, kien stabbilit ukoll li din ir-rotta minn Triq Valletta fiż-Żurrieq kienet waħda fissa u għalhekk l-esperti tal-Qorti qed jippruvaw jistabbilixxu dak li seta’ seħħ biex id-double-decker ħabtet mal-fergħa ħoxna li rriżultat f’waħda fatali.

Hemm indizji ċari li jindikaw li l-vettura kienet qed tinstaq viċin ħafna tal-bankina u jista’ jagħti l-każ li kien minħabba f’hekk li l-vettura ħabtet mal-fergħa inkwistjoni. Barra minn hekk l-esperti qed jippruvaw jistabbilixxu wkoll x’wassal biex il-vettura waqfet numru ta’ metri lil hinn mill-istess impatt mal-fergħa tas-siġra.

Dwar din it-traġedja simultanjament għaddejjin kemm investigazzjonijiet mill-Pulizija kif ukoll Inkjesta Maġisterjali mill-Maġistrat Monica Vella, li ħatret bosta esperti biex jistabbilixxu fatti tekniċi dwar dan il-każ.

Aspett ferm importanti hu dwar il-veloċità li biha kien qiegħed ikun misjuq id-double-decker fil-mument tal-impatt kif ukoll x’tip ta’ kundizzjoni kienu fiha t-tyres tiegħu.

Il-Pulizija tkellmet fit-tul max-xufier li kien qiegħed jirritorna għax-xogħol mal-operatur lokali tad-double-deckers proprju għall-ewwel darba nhar it-Tnejn li għadda. Mill-istħarriġ li sar sa issa jirriżulta li x-xufier kellu d-dokumenti meħtieġa kollha f’posthom u regolarizzati… u dan japplika kemm għal-liċenzja kif ukoll għall-polza tal-assikurazzjoni.

Wieħed mit-tfal joħroġ mill-ITU

Ikkummenta