Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May laqqgħet lill-Ministri fl-Uffiċċju ta’ ‘Downing Street (Londra) biex tiddiskuti r-reazzjoni tar-Renju Unit għas-suspettat attakk bl-armi kimiċi min-naħa tal-Gvern Sirjan fuq iċ-ċivili tiegħu.
Mistenni li l-Ministri Britanniċi jappoġġjaw is-sejħa ta’ May biex ir-Renju Unit isegwi s-sejħa tal-Istati Uniti u l-alleati tagħha biex, ilkoll, jissieħbu f’azzjoni militari kontra s-Sirja.
F’din is-sitwazzjoni mhux eskluż li l-Prim Ministru tar-Renju Unit ‘hi lesta biex tieħu azzjoni kontra r-reġim tal-President Sirjan Bashar al-Assad anki mingħajr il-kunsens tal-Parlament’.
Dan minkejja li d-deputati tal-Partit Konservattiv fil-Gvern u xi partiti fl-Oppożizzjoni qegħdin jinsistu għal vot qabel kwalunkwe reazzjoni mir-Renju Unit fis-Sirja.
Theresa May qalet li ‘hemm l-indikazzjonijiet kollha’ li r-reġim tal-President Sirjan, Bashar al-Assad, kien responsabbli għall-allegat attakk b’materjal kimiku fuq il-belt ta’ Douma (fis-Sirja) li sa ftit ilu kienet ikkontrollata mir-ribelli. Dan meta s-sinjali huma li hi biss kwistjoni ta’ żmien sakemm ir-Renju Unit twettaq xi azzjoni militari kontra l-interesi ta’ Assad.
//= $special ?>

