Internazzjonali

Konferma mistennija għal Aliyev

Il-President tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev, rebaħ ir-raba’ mandat ta’ poter konsekuttiv fl-elezzjoni ta’ nhar l-Erbgħa għall-Presidenza li kienet karatterizzata mill-bojkott tal-partiti ewlenin tal-Oppożizzjoni.
Is-suċċess ta’ Aliyev, fil-verità, qatt ma kien fid-dubju, speċjalment minħabba li l-Oppożizzjoni Ażera qatt ma setgħet torganizza sfida soda u determinata għall-Gvern awtoritarju f’Baku.
Il-pożizzjoni ta’ Aliyev, fl-aħħar snin, ingħatat spinta waqt li l-Gvern tiegħu kien qed igawdi mill-influss konsistenti tal-petrodollari minn barra.
Il-President Ażeri, li ilu fil-poter għal dawn l-aħħar 15 il-sena, irċieva 86 fil-mija tal-vot fl-aħħar elezzjoni, fejn ħarġu jivvutaw mas-75 fil-mija tal-poplu.
L-Oppożizzjoni anki kundannat id-deċiżjoni għall-għarrieda ta’ Aliyev biex jorganizza din l-elezzjoni sitt xhur qabel id-data oriġinali, b’din id-deċiżjoni, skont huma, ‘tispiċċa tfixkel l-impenji għal kontra t-tbagħbis tal-voti waqt il-proċess’.