Il-Partit Nazzjonalista llejla laqqa’ l-Eżekuttiv tiegħu biex fost affarijiet oħra jiddiskuti l-liġi li ġiet preżentata mill-Gvern ilbieraħ dwar it-tibdil fil-liġi li tirregola l-IVF.
Fil-liġi li ressaq il-Gvern fil-Parlament għall-ewwel qari, hemm l-introduzzjoni tal-iffriżar tal-embrijuni.
Is-sistema tal-IVF bħalissa ma tippermettix li jkun hemm iffriżar tal-embrijuni. Imma bit-tibdil li jrid idaħħal il-Gvern, l-iffriżar tal-embrijuni se jibda jkun possibbli fil-proċess tal-IVF.
Il-Gvern irid idaħħal l-iffriżar tal-embrijuni fil-liġi li suppost tipproteġi lill-embrijuni – liġi li oriġinarjament kienet ġiet introdotta fi żmien Gvern Nazzjonalista, u fejn sal-lum tippermetti li jsir IVF bil-fertilizazzjoni ta’ massimu ta’ tliet embrijuni mingħajr iffriżar tal-embrijunu.
Issa l-Gvern irid ibiddel dan kollu tant li beda l-proċess fil-Parlament li bih mistenni jdaħħal l-iffriżar tal-embrijuni. Bit-tibdil li jrid idaħħal il-Gvern, ġenituri prospettivi se jkunu jistgħu jiffertilizzaw sa ħames embrijuni bil-possibiltà wkoll li jiffriżaw dawk l-embrijuni li ma jintużawx.
Bil-mod kif il-Gvern irid ibiddel il-liġi, se jkun hemm possibiltà ta’ donazzjoni tal-isperma, donazzjoni tal-bajda u donazzjoni tal-embrijuni. Dawn id-donazzjonijiet kollha se jibqgħu anonimi.
//= $special ?>

