L-iktar data riċenti li kienet elevata mill-laptop u memory cards mir-residenza ta’ Daphne Caruana Galizia tasal sal-2015. Dan ħareġ mix-xhieda ta’ Alfred Cardona, espert tal-Qorti, hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni fil-każ kontra l-aħwa George u Alfred Degiorgio, magħrufa rispettivament bħala iċ-Ċiniż u l-Fulu u Vincent Muscat magħruf bħala il-Koħħu.
It-tliet irġiel jinsabu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista permezz ta’ karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru li għadda. Mistoqsi jekk Caruana Galizia kellhiex korrispondenza iktar riċenti fil-laptop tagħha, Alfred Cardona wieġeb li l-aħħar komunikazzjoni tmur lura għal Diċembru 2015 u li x’aktarx il-vittma kienet qed tuża apparat ieħor. L-espert qal li ma kellu aċċess għal ebda laptop ieħor.
L-Avukati li qed jidhru parte civile għall-familja talbu lill-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, sabiex tassigura li s-sorsi tal-ġurnalista jkunu protetti iżda l-Avukati tad-Difiża qed jinsistu li l-klijenti tagħhom għandhom id-dritt ikunu jafu l-kontenut tar-rapport tal-espert.
Matul is-seduta tal-lum xehed ukoll numru ta’ għaddasa li kienu involuti fi tfittxija f’qiegħ il-baħar fil-Marsa. Minn żewġ tfittxijiet li saru fl-4 ta’ Diċembru u fis-6 ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet, l-għaddasa elevaw ħames telefons ċellulari kif ukoll batteriji u holders ta’ SIM cards.
Sadanittant, sar magħruf li l-Ġimgħa 20 ta’ April, se jsir aċċess fuq il-post fejn inqatlet Daphne Caruana Galizia fil-Bidnija, ftit metri bogħod mir-residenza tagħha.
Il-każ ikompli it-Tlieta meta se jsiru sottomissjonijiet dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Philip Galea Farrugia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra.
Id-Difiża hi magħmula mill-Avukat Josette Sultana li qed tidher għal George Degiorgio, l-Avukati William Cuschieri u Martha Muscat li qed jidhru għal Alfred Degiorgio u l-Avukat Martin Fenech li qed jassisti lil Vincent Muscat.
L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru parte civile għall-familja tal-vittma.
Sadanittant, għal darb’oħra, persuna jew persuni mhux magħrufa neħħew il-fjuri u xemgħat fil-mafkar temporanju ta’ Daphne Caruana Galizia li jinsab faċċata tal-Qorti tal-Ġustizzja.
//= $special ?>